Arrestat f’Bormla; jinqabad bid-droga, skieken u armi tan-nar

Read in English.

Raġel ta’ 31 sena ġie arrestat f’Bormla meta nstab li kien fil-pussess ta’ droga, skieken kbar u anke armi tan-nar.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li dan seħħ wara ħidma konġunta bejn l-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, l-Ispecial Intervention Unit (SIU) u l-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla. Huma kienu rċevew informazzjoni dwar traffikar ta’ droga mir-raġel residenti Bormla. Il-ħidma tal-pulizija kienet waħda fuq skala kbira, imferrxa fuq tliet lokalitajiet, u wasslet għas-sejba ta’ aktar minn kilo ħaxixa tal-kannabis, maż-żewġ kili droga sintetika u ammont ta’ droga kokaina.

Ġie spjegat li l-Pulizija kien ilha diversi ġimgħat tosserva l-movumenti tar-raġel. Intant, bil-provi f’idejhom is-Sibt wara nofsinhar, bdiet il-ħidma sabiex fl-istess ħin li jiġi arrestat ir-raġel, ikunu ċċirkondati erba’ postijiet li għandu l-istess persuna.

Ftit wara s-6pm ilbieraħ, il-Pulizija bdew isegwu karozza minn distanza, bl-informazzjoni tal-Pulizija tkun li l-persuna li qiegħda ssuq x’aktarx hija armata b’arma tan-nar. Malli waslu f’Ħaż-Żabbar, ingħatat l-ordni sabiex il-karozza titwaqqaf u malli l-karozza saqet lejn Triq il-Kottonera, f’Bormla, din ġiet iċċirkondata mill-Pulizija.

F’dan il-mument, is-sewwieq allegatament ipprova jaħrab bil-konsegwenza li ħabat f’żewġ vetturi tal-Pulizija. Kien hawn li l-Pulizija tal-SIU ħarġu lir-raġel minn ġo fiha u mmanettjawh. Saret tfittxija fil-vettura u hemm il-Pulizija sabet arma tan-nar u machette, kif ukoll madwar €6,000 fi flus kontanti u anke sustanzi allegatament kokaina u droga sintetika.

Fl-istess waqt li sar l-arrest, il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, flimkien ma’ tal-SIU, iċċirkondaw żewġ residenzi f’Bormla, garaxx fil-Fgura u garaxx f’Wied il-Għajn. Fil-preżenza tar-raġel arrestat, saret tfittxija f’dawn l-erba’ postijiet. Minnhom il-Pulizija elevat ammont konsiderevoli ta’ pakketti bid-droga kannabis, lesta għat-traffikar, oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, kif ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Ġew elevati wkoll diversi armi tan-nar. Ġew ikkonfiskati ukoll ħames karozzi u erba’ muturi kollha tar-raġel arrestat.

Ir-raġel ta’ 31 sena qed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ. Dwar dan il-każ qed jgħinu lill-Pulizija tliet persuni oħra.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija komplew ukoll matul il-jum tal-Ħadd, flimkien mal-inkjesta maġisterjali mmexxija mil-Maġistrat Audrey Demicoli, assistita minn diversi esperti li ħatret, sabiex tkun stabbilita l-kwantità tad-droga misjuba.