Arpa bil-GPS irrappurtata nieqsa – BirdLife

BirdLife Malta qalet li arpa li kellha l-GPS kienet irrappurtata nieqsa. Hu mifhum li l-ispeċi kellha ċippa mwaħħla magħha bil-għan li jiġi studjat il-movimenti ta’ dawn tal-għasafar tal-priża li huma protetti.

Intqal li l-GPS użat f’dan il-proġett ma kienx qed iħalli biss lir-riċerkaturi jaraw fejn kien wasal l-ispeċi, iżda kien anke jwassal lura informazzjoni oħra fosthom it-temperaturi. 

BirdLife Malta qalet li l-arpa ħalliet Sqallija u waslet Malta fl-24 t’Awwissu u l-għada filgħodu qabel is-sebgħa mxiet fid-direzzjoni tat-Tramuntana ta’ Delimara fejn imbagħad is-sinjali tal-GPS intilfu. Jirriżulta wkoll li l-għasfur kien ħaj sakemm imbagħad intilef il-komunikat.

Nicholas Barbara minn BirdLife Malta sostna li l-istampa hi waħda ċara hekk kif Delimara hija magħrufa għall-kaċċa llegali u ta’ kull sena jkun hemm diversi rapporti ta’ kaċċa llegali. Barbara talab lil min għandu xi informazzjoni sabiex jgħaddiha lil BirdLife Malta.