Arnold Cassola jrid inkjesta fuq l-iżviluppi fl-imxija tal-coronavirus

Read in English.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qed iħeġġeġ lill-Gvern jiftaħ inkjesta maġisterjali fl-iżviluppi tal-imxija tal-coronvirus.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, Prof. Cassola qal li l-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli taw prijorità lil ċerti setturi tan-negozju minflok lis-saħħa ma għenx fil-kriżi tal-pandemija.

Cassola argumenta li Abela u Farrugia Portelli appoġġjaw l-attivitajiet tal-massa, u għalhekk, għandha ssir inkjesta maġisterjali biex jiġi determinat għaliex seħħ dan.

L-eks chairperson tal-Alternattiva Demokratika kompla jispjega li l-inkjesta għandha tinvestiga wkoll:

  • Kemm saru donazzjonijiet mingħand negozjanti fl-aħħar snin lil kandidati individwali u l-partiti politiċi tagħhom;
  • Jekk il-Gvern wegħedx xi sponsorships governattivi lill-organizzaturi tal-attivitajiet tal-massa;
  • Kemm se jagħti kumpens il-Gvern lil uħud li ma rnexxilhomx jorganizzaw dawn l-attivitajiet.

Fl-aħħar, Cassola qal li l-inkjesta għandha tiddetermina jekk il-Prim Ministru Robert Abela tkellimx mal-professjonisti mediċi, u talabhomx biex ma jenfasizzawx fuq l-informazzjoni “negattiva” meta dehru fil-pubbliku.