Lubna Safdar hi armla Kattolika żagħżugħa li tgħix f’Sarghoda fil-provinċja tal-Punjab fil-Pakistan. Għandha tifel ta’ sentejn, Sharon. Bħalissa għaddejja minn tbatija kbira wara li qatlu lil żewġha, Masih Safdar u l-awtoritajiet m’humiex jinvestigaw dan il-każ.
Il-karità pontifiċja Aid to Church in Need, li magħha tkellmet din il-mara, tqis dan bħala prova ta’ kemm l-insara huma meqjusa bħala ċittadini tat-tieni klassi fil-Pakistan.
Nuqqas ta’ opportunitajiet
L-insara fil-Pakistan fil-parti l-kbira huma nies foqra u ftit isibu opportunitajiet biex javvanzaw ekonomikament; il-ħtiġijiet u d-drittijiet tagħhom huma minsija mill-awtoritajiet tal-pajjiż filwaqt li l-kotba fl-iskejjel tal-Gvern imaqdru l-fidi tagħhom.
Lubana qalet l-istorja tagħha lil Aid to Church in Need:
“Żewġi, Safdar, kien jaħdem lejl u nhar bħala xufier ta’ rickshaw li taħdem b’mutur flok bil-qdif tal-pedali. Matul il-jum kien indaddaf l-uffiċċji u bil-lejl isuq ir-rickshaw. Il-paga tiegħu kienet ta’ 400 Rupee kuljum – $2.50. Dawn ma kienux ilaħħaqu mal-ispejjeż tal-familja.
“Madankollu konna ferħana u konna nirringrazzjaw ‘l Alla. Żewġi ma kienx xi nobbli. Hu kien jaħdem ħafna u qatt ma kellu xi jgħid ma ħadd. Kien jasal id-dar sal-11pm.
Ma rritornax mix-xogħol
“Fit-8 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, ħareġ għax-xogħol iżda ma rritornax. Inkwetajt għax qatt ma dam aktar mill-11pm. Jien u ħuħ ħriġna nfittxuh. Morna fit-toroq kollha li konna nafu li jkun jaħdem fihom iżda ma deher imkien. L-għada filgħodu xi ħadd qalilna li ra l-katavru ta’ Masih fl-isptar. Kienu qatluh.
“Kienet ħaġa terribbli meta rajt il-katavru ta’ żewġi. Qabel sparawlu kien qala’ xebgħa tajba. Kellu feriti f’rasu u d-demm kien għadu ħiereġ minnu. Meta rajtu f’dak l-istat iddeċidejt li nieħu azzjoni”, qalet Lubna Safdar lil ACN.
“Ħu żewġi għamel rapport lill-pulizija. Saru protesti biex issir ġustizzja ma’ żewġi. Jien tlabt lill-awtoritajiet, spjegajtilhom is-sitwazzjoni finazjarja tiegħi u ta’ ibni u l-impatt li t-telfa tar-raġel kellha fuq il-familja. Għaddew il-ġimgħat. Ma għamlu xejn. Naturalment għax aħna insara.
Alla dejjem magħna
“Żewġi kien jaqla’ il-ħobża għall-familja. Kemm ilu mejjet jien sibt ruħi waħdi u ma nista’ nagħmel xejn. Fejn jidħol xi mpjeg jien limitata ħafna: inbati bl-asthma u ma ħadtx edukazzjoni formali u rrid nieħu ħsieb lil ibni. F’daqqa waħda ma hemm ħadd biex jgħinha – għalkemm Alla hu dejjem magħna.
Ħu żewġi jgħina ftit finanzjarjament, imma xorta għandna ħafna problemi. Nitlob lill-awtoritajiet biex jaqdu dmirhom biex nagħlqu din il-ferita u jgħinuni nsib xogħol malajr kemm jista’ jkun.
“Nitlob ‘l Alla biex jikkunslani għall-mewt tar-raġel. Inħoss ħafna n-nuqqas tiegħu. Imma dejjem nibqa’ martu u nżomm il-memorja tiegħu ħajja kuljum. Hu jgħix f’qalbi”.
Fl-2017 Aid to Church in Need tat aktar minn $800,000 f’għajnuna lill-Knisja fil-Pakistan li kienu jinkludu għajnuna lis-Seminaristi, sorijiet u għal numru ta’ programmi pastorali.