Armi fil-borża l-ħadra u tista’ tirbaħ €500

GreenPak estendiet il-kampanja tagħha Crush &  Win għall-ġbir fid-djar u se tkun qed tagħti €500 lir-residenti tad-djar.

Fi stqarrija spjegat li biex ikunu fiċ-ċans li jirbħu €500, iridu jgħaffġu l-oġġetti riċiklabbli tagħhom, ipoġġuhom fil-borża l-ħadra tar-riċiklaġġ, idaħħlu biċċa karta bin-numru tat-telefown tagħhom miktub fuqha, u jħalluha quddiem id-dar fil-ġurnata tal-ġbir.

Il-kampanja Crush & Win tat aktar minn €15,000 minn mindu ġiet imnedija s-sena l-oħra, imma kienet limitata għal skart depożitat fil-bring-in sites.

GreenPak reċentement ukoll ħadet sehem f’kampanja relatata fil-Farsons Beerfest, u fiha ġabret aktar minn 620kg fi fliexken tal-plastik u 2,000 tapp fi spazju ta’ għaxart ijiem.

Bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Farsons, GreenPak u Żibel ħarġu bi PlastiKAXXA – fejn persuni li attendew il-Beerfest setgħu jarmu l-fliexken u t-tazzi tal-plastik mgħaffġin tagħhom f’seba’ kontenituri magħmula minn xbieki u injam użati mill-ġdid li kienu mifruxa madwar is-sit.

Premju ta’ €50 kuljum ingħata minn GreenPak lil parteċipanti b’xortihom tajba ta’ PlastiKAXXA kull ġurnata tal-Beerfest, b’estensjoni tal-kampanja tal-kooperattiva Crush & Win li tinkoraġġixxi lill-pubbliku biex tgħaffeġ l-oġġetti riċiklabbli qabel jiġu mormija b’mod responsabbli.