Armel ibiegħ l-inkwatri ta’ martu u jiskopri valur kbir

Wara l-mewt ta’ martu, armel anzjan iddeċieda li jbiegħ b’irkant is-sitt inkwatri li l-mara kellha f’kamritha fid-dar tal-anzjani.
Kienet xtrathom għal ftit mijiet ta’ ewro fl-1991, aktarx minn xi ħadd li mar ibiegħ bieb bieb.
S’hawn wieħed jaħseb li hi storja bħal ħafna oħrajn, imma meta d-dar tal-irkant iċċekkjat il-pitturi taż-żejt fuq it-tila, sabet li kienu xogħol tas-Seklu 19, ta’ artisti Olandiżi, Belġjani u Polakki-Franċiżi, b’valur ta’ €28,000.
Kienu nsterqu iktar minn 23 sena qabel ma xtrathom l-anzjana u issa ġew irritornati lill-Mużew ta’ Amsterdam.
Il-pitturi kienu fost 49 biċċa tal-arti misruqa fl-1972 li kienu kollha rreġistrati fuq database apposta.
Id-direttur tal-mużew qal li qatt ma mmaġinaw li wara daqstant snin, kienu se jerġgħu jaraw dawn l-inkwatri.