Arloġġ tad-ditta jdaħħlu fl-inkwiet; jinżamm arrestat

Żagħżugħ mil-Litwanja li kien arrestat iktar kmieni dan ix-xahar fuq każ relatat mas-serq, reġa’ deher quddiem il-Qorti wara li nstab li fil-pussess tiegħu kellu arloġġ tad-ditta Rolex li hu relatat ma’ serqa oħra.

Iż-żagħżugħ ta’ 28 sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi, li huwa kien parti minn pjanijiet ta’ serq kif ukoll b’serq aggravat minn appartament f’Tas-Sliema f’Novembru li għadda.

L-arloġġ li nstab fil-pussess tiegħu wassal biex ir-raġel jiġi akkużat b’reati ġodda.  Huwa kien diġà ġie arrestat li kien parti minn pjan kriminali, fuq ħasil ta’ flus u serq.

Minkejja li l-avukat difensur ma talabx għall-ħeslien mill-arrest, huwa argumenta li l-isem li hemm miktub fuq il-lista tal-akkużi mhuwiex il-klijent tiegħu. Madankollu l-Ispettur Joseph Mercieca qal li d-dokumenti personali li kellu fuqu l-akkużat ma kinux riċenti u dan ġie kkonfermat mill-awtoritajiet barranin. Żied li t-tranżazzjonijiet finanzjarji li nstabu fil-mowbajl tal-akkużat jaqblu man-numru li juża l-akkużat.

Il-Maġistrat ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.

Aqra: Allegati ħallelin jippruvaw jaħarbu mill-pulizija fil-Fgura; iweġġgħu waqt il-ġirja