Arloġġ Muscat: Nuqqas ta’ progress mill-Pulizija – Repubblika

Il-mistoqsijiet ta' Newsbook jibqgħu mhux imwieġba mill-Pulizija

Read in English.

L-għaqda Repubblika lmentat dwar in-nuqqas ta’ progress mill-Pulizija dwar l-arloġġ li rċieva Joseph Muscat bħala rigal mingħand Yorgen Fenech.

Fi stqarrija Repubblika fakkret li għamlet rapport lill-Pulizija dwar l-arloġġ li qala’ l-Prim Ministru bħala rigal mingħand Yorgen Fenech.

“Dan ir-rigal jista’ jitqies bħala tixħim l-aktar meta jitqies li Yorgen Fenech ma’ oħrajn rebaħ il-kuntratt tal-power station il-ġdida,” qalet l-għaqda.

Skont Repubblika, Yorgen Fenech hu akkużat li qatel lil Daphne Caruana Galizia biex jgħatti l-korruzzjoni marbuta mal-kuntratt tal-Electrogas u li Joseph Muscat ippressjeda fuq uffiċju li kien involut biex dawk responsabbli minn dan ir-reat jiġu protetti. Fenech qed iwieġeb mhux ħati fil-Qorti.

L-għaqda qalet li l-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma weġibx għad-denunzja li għamlet ġimgħa ilu u li ma ġewx infurmati min hu l-uffiċjal tal-Pulizija identifikat biex jinvestiga l-allegazzjoni. Repubblika qalet ukoll li l-Kummissarju għadu ma rax “li xi ħadd fil-Korp tal-Pulizija jkellem lill-ġurnalist Christian Peregin li rrapporta dwar dan ir-rigal u li fuq il-kitba tiegħu ssejjset id-denunzja li għamilna.”

Il-mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Pulizija dwar dan il-każ għadhom ma ġewx imwieġba.

“Dawn il-fatti jikkonfermaw l-isfiduċja tagħna f’Lawrence Cutajar li jerġa jikkonferma ruħu aġent tal-korruzzjoni tal-gvern minflok uffiċjali indipendenti tal-istat responsabbli li jinforza l-liġi,” qalet Repubblika.

“Repubblika m’għandhiex fejn tmur aktar biex tagħmel ilment li l-liġi mhux qed tiġi infurzata. Jekk il-Pulizija ma tagħmilx xogħolha il-kriminali jibqgħu jagħmlu li jridu. Fil-każ ta’ Joseph Muscat u l-klikka tiegħu Kieth Schembri, Konrad Mizzi u oħrajn, ilhom jaħarbu l-ġustizzja mindu ħarġu l-Panama Papers. Dik l-impunità wasslet biex qatlu lill-ġurnalista li kienet qed tikxifha.”

Il-PM Joseph Muscat qal li hemm arloġġi oħra bħal dak li ngħata hu li jiswa mal-€20,000. Żied jgħid li jaf għand min huma, però ma riedx jixkef l-ismijiet.

Dan qalu waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-PL One Radio.