Ariel Castro jinstab mgħallaq fiċ-ċella tiegħu

Ariel Castro, ir-raġel li ntbgħat għal għomru l-ħabs talli seraq, stupra u żamm tliet nisa kontra r-rieda tagħhom, instab mejjet fiċ-ċella tiegħu.

Uffiċċjali fil-Faċilità Korrettiva ta’ Orient, Ohio, sabu lir-raġel ta’ 52 sena, mgħallaq fiċ-ċella tiegħu. Dan kollu ġara l-bieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-9:30pm. L-sforzi biex jerġa’ jiġi f’tiegħu minn tim mediku li ntervjena fallew.

Skont il-familjari ta’ Castro, huma saru jafu bil-mewt ta’ Ariel minn fuq il-midja, filwaqt li qalet li ma sar ebda kuntatt mill-uffiċċjali tal-ħabs.

Ariel Castro ma kienx jagħmel parti mill-popolazzjoni ġenerali tal-ħabs. Dan għaliex huwa kien maqful f’ċella għalih, u kull 30 minuta, jgħaddi gwardjan biex jikkontrolla ċ-ċella.

Castro kien ħataf tliet tfajliet u żammhom maqbudin f’daru għal għaxar snin sħaħ. Ix-xhieda kienet qalet li fost l-oħrajn Castro kien jabbuża sesswalment mit-tfajliet u meta dawn jinqabdu tqal, jabbużahom fiżikament u jħallihom bla ikel biex ikollhom korriment. Il-prosekutur kellu kliem iebes għall-akkużat u qal li Castro ma ħaqqu l-ebda ħniena għax kien qed jopera ħabs u post ta’ tortura f’nofs il-komunità.