Argument quddiem il-PBS; “Prof. Charmaine Gauci insulentata”

Aġġornat 12:00 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Tard ilbieraħ filgħaxija seħħ argument verbali quddiem il-binja tal-Public Broadcasting Services (PBS) fi Gwardamangia. Kelliem għall-Pulizija kkonferma r-rapport ma’ Newsbook.com.mt. Intant, skont it-TVM, il-persuna li ġiet insulentata kienet propju s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, li kienet ħierġa mill-binja wara li dehret fuq it-televiżjoni.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-każ seħħ għall-ħabta tal-10.15pm. Hu qal li ma kienx hemm persuni li ndarbu f’dan l-argument hemm kif l-argument kien wieħed verbali.

Skont it-TVM, l-għajnuna tal-Pulizija ntalbet wara li mara bdiet tgħajjat u tinsulenta lill-Prof. Gauci barra l-PBS. Prof. Gauci kienet ħierġa mill-programm Dissett fejn kienet qed tiddiskuti l-lezzjonijiet tas-sewqan. It-TVM qal li l-mara li taħdem bħala driving instructor stenniet lil Prof. Gauci toħroġ mill-binja u allegatament bdiet twaqqaf lil Prof. Gauci milli tirkeb fil-karozza tagħha.

It-TVM qal li intervjenew il-ġurnalisti biex jiftħu l-aċċess għas-Superintendent sabiex tkun tista’ titlaq minn fuq il-post.

Il-filmat tneħħa bħala sinjal ta’ rispett lejn Prof. Charmaine Gauci li qed taħdem lejl u nhar.

L-Assoċjazzjoni għad-Driving Instructors (MDIA) tiddiżassoċja ruħha

Il-Malta Driving Instructors Association (MDIA) iddiżassoċjat ruħha u kkundannat l-aġir tad-driving instructor, li lbieraħ filgħaxija, minn jedda marret tistenna lil Prof. Charmaine Gauci barra l-binja tal-PBS.

L-Assoċjazzjoni qalet li bl-ebda mod ma tippromwovi wisq iktar taċċetta li l-membri tagħha jaġixxu b’dan il-mod, għalhekk b’mod immedjat qiegħda tkeċċi lil din l-istess instructor minn membru tagħha.

L-Assoċjazzjoni rringrazzjat lil Prof. Charmaine Gauci tax-xogħol bla waqfien li qiegħda tagħmel flimkien mal-awtoritajiet ikkonċernati, biex jiġġieldu din is-sitwazzjoni li Malta tinsab fiha.