“Argument jaħraq bejn l-aħwa; ommu keċċietu mid-dar…”

Bħal oħrajn, Isaac* spiċċa bla saqaf fuq rasu minħabba diżgwid li kellu mal-familja. Argument jaħraq bejn l-aħwa, ħalla lil omm bla għażla ħlief li titolbu jitlaq mid-dar.

Fi blogg fuq Newsbook.com.mt, il-YMCA titkeb dwar Isaac, li ta’ ftit iktar minn 20 sena, Isaac ma kellu xejn imġemma’ u l-ebda appoġġ ieħor ħlief il-familja. Hu sab il-bieb ta’ Dar Niki Cassar miftuħ għalih. 

Fil-bidu, Isaac kien ikun konfuż u frustrat minħabba li ommu ħadet dik id-deċiżjoni. Kien diffiċli għalih biex jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu – bejn l-imħabba għal ommu u r-rabja għad-deċiżjoni tagħha. B’għajnuna li rċieva mid-Dar, Isaac beda jitbissem u jidħak iktar, u ma baqax jidher il-ħin kollu fix-xifer.

Dar Niki Cassar għenet ukoll lil omm Isaac, u r-relazzjoni tagħhom reġgħet bdiet tissaħħaħ. Isaac sar aktar konxju tat-tempra tiegħu u beda jifhem aktar il-perspettiva ta’ ommu. 

Il-YMCA għenet lil Isaac biex jibda xogħol ġdid, u dan għen biex ħassu iktar utli, sar indipendenti finanzjarjament u sar aktar ferħan. Ommu kienet ukoll kburija dwar kif Isaac kien qed jikkontrolla s-sitwazzjoni u l-bdil fl-attitudni tiegħu. Tant li wara ftit xhur, it-tnejn li huma waslu f’punt fejn setgħu jerġgħu jibdew jgħixu ma’ xulxin.

Dar Niki Cassar hija faċilità residenzjali tal-YMCA, li tilqa’ persuni, familji u t-tfal bla saqaf fuq rashom.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol ymcamalta.org fis-sit tal-YMCA jew jibgħat donazzjoni ta’ €11.65 fuq 50619212.

Aqra l-blogg sħiħ hawn

*Isem fittizju