Argument ieħor fuq il-Gozo Channel minħabba l-maskri

Dalgħodu kien hemm argument ieħor fuq vapur tal-Gozo Channel minħabba l-ilbies tal-maskri.

Il-vapur li kellu jitlaq fid-9am mill-Imġarr għaċ-Ċirkewwa ttardja b’madwar 20 minuta. Il-kaptan tal-vapur informa lill-passiġġieri abbord li d-dewmien kien minħabba passiġġier li ma riedx jilbes maskra.

L-ilbies tal-maskri bħalissa huwa obligatorju fuq il-vapuri tal-Gozo Channel minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Persuna li kienet fuq il-vapur qalet lil Newsbook.com.mt li raġel li kien f’karozza kien qed jgħajjat ma’ ħaddiem tal-Gozo Channel minħabba l-ilbies tal-maskri.

Abbord l-istess vapur kien hemm għadd ta’ passiġġieri bilqiegħda madwar l-imwejjed li ma kinux lebsin maskra.

Din mhix l-ewwel darba li kien hemm diżgwid minħabba l-ilbies tal-maskri fuq il-flotta tal-Gozo Channel.

Is-Sibt li għadda l-Ministeru għal Għawdex u l-Gozo Channel qalu li grupp ta’ rġiel taw xebgħa liċ-Chief Officer ta’ wieħed mill-vapuri. Il-ħaddiem kien qed jipprova jenforza r-regola tal-ilbies tal-maskri. Iċ-Chief Officer kellu jittieħed l-isptar minħabba l-inċident.

Dakinhar iċ-Chairperson tal-Gozo Channel Joe Cordina qal lil Newsbook.com.mt li jappella lin-nies biex ikomplu jilbsu l-maskri meta jkunu abbord il-vapuri tal-Gozo Channel. Qal ukoll li jappella lill-Gvern biex jipprovdi uffiċjali tal-infurzar fuq il-vapuri.

Cordina qal li l-ħaddiema tal-Gozo Channel ma jistgħux jinfurzaw il-liġijiet. Allura issuġġerixxa li l-Gvern għandu jibgħat enforcement officers fuq il-vapuri kif isir fuq il-karozzi tal-linja.