Jinħeles mill-arrest wara li darab raġel waqt argument fuq il-vapur t’Għawdex

Aġġornat 05:08 PM

Read in English.

Raġel qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’argument fuq il-vapur t’Għawdex. L-aggressur ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

L-argument seħħ għall-ħabta tas-6pm ilbieraħ bejn raġel ta’ 56 sena residenti l-Mellieħa u ieħor ta’ 33 sena mill-Olanda, li joqgħod Ħal Luqa.

Ir-raġel mill-Mellieħa qiegħed jingħata l-kura fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-ġrieħi gravi li sofra fl-argument.

Ir-raġel ta’ 33 sena tressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex, ippreseduta mill-Maġistrat Dr Brigitte Sultana. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, u nħeles mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.

Mhux magħruf fuqiex kien dan l-argument, iżda fil-ġimgħat li għaddew kien hemm xi argumenti oħra fuq il-vapur t’Għawdex minħabba l-ilbies tal-maskri, billi xi nies kienu qed jirrifjutaw li jilbsu l-maskra fuq il-vapur.