Argument f’San Pawl il-Baħar: Jgħid li ħebb għall-vittma biex isalva lill-għarusa

Raġel li ħebb għal resident ta’ San Pawl il-Baħar u wasslu fil-periklu li jitlef ħajtu qal fil-qorti li għamel dan għax kien qed jipprova jsalva lit-tfajla tiegħu.

Iż-Żabbari ta’ 24 sena tressaq il-qorti llum akkużat li weġġa’ gravi lil raġel ta’ 49 sena minn Tal-Pietà u li seraq apparat elettroniku minn dar il-vittma. L-inċident seħħ nhar il-Ħamis li għadda fi Triq Dawret San Pawl.

Persuna fil-periklu tal-mewt wara argument f’San Pawl il-Baħar

L-avukat li qed jiddefendi lill-akkużat qal li kien jidher ċar mill-istqarrija li ż-żagħżugħ għamel mal-pulizija li hu kien qed jipprova jsalva lit-tfajla tiegħu li sabha fi stat ħażin fil-flett f’San Pawl il-Baħar. Żied jgħid li l-istqarrija tat-tfajla mal-pulizija taqbel ma’ tal-akkużat. Hu u jitlob għall-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ, qal li jidher li kien hemm xi attività tad-droga għaddejja fil-flett. Barra minn dan, qal l-avukat, il-vittma x’aktarx ma jkunx irid jixhed, u għalhekk ma ħasibx li hu ġust li l-klijent tiegħu jibqa’ l-ħabs għal xahar.

L-uffiċjal Clayton Camilleri mill-Prosekuzzjoni informa lill-Qorti li l-vittma kien qed isofri minn emoraġġija f’moħħu, u kien qed jinżamm f’koma. Huwa fisser li jibża’ li l-akkużat jipprova javviċina lix-xhieda jekk jinħeles mill-arrest, peress li kien beda jinsisti mal-pulizija li jrid ikellem lit-tfajla meta kien fi triqtu lejn il-qorti.

Il-pulizija għadhom qegħdin ifittxu x-xufier tal-karozza li ntużat biex ħarbu minn fuq il-post, u għadhom qegħdin jinterrogaw lil xhieda oħra.

Il-Maġistrat Simone Grech iddeċidiet li ż-żagħżugħ għandu jinżamm arrestat.