Raġel iħebb għal ieħor waqt li qed jitkellem mal-pulizija; ġrieħi gravi

Aġġornat 07:40 AM

Raġel qed isofri minn ġrieħi gravi wara li ġie aggredit f’San Ġiljan tul il-lejl, hu u jitkellem mal-pulizija.

Għall-ħabta tal-4.30am, il-pulizija ġew infurmati b’argument fi Vjal Portomaso.

Meta marru fuq il-post, sabu li ġo residenza kien hemm argument bejn żewġ persuni. Huma u jkellmu lil raġel Ġermaniż ta’ 34 sena, dan ġie aggredit minn raġel ieħor minn wara.

Il-vittma ttieħed l-isptar b’ambulanza, fejn aktar tard, irriżulta li għandu ġrieħi gravi.

Dak li aggredieh kien Malti ta’ 59 sena residenti Tas-Sliema, li għadu qed jiġi interrogat mill-pulizija.