Aġġornata: Argument bejn 4 irġiel f’Għawdex; jitressqu l-Qorti

Raġel ta’ 40 sena minn Għajnsielem weġġa’ gravi waqt li kien involut f’argument bejn erbat irġiel f’Għawdex. Tnejn mill-irġiel sofrew ġrieħi f’wiċċhom. Huma tressqu l-Qorti llum.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt li t-Tnejn filgħodu seħħ argument quddiem l-Għassa tal-Pulizija tal-Imġarr. Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ 11.45am.

L-irġiel l-oħra, wieħed ta’ 30 sena minn Għajnsielem, ieħor ta’ 27 sena mill-Għarb u raġel ta’ 54 sena minn Għajnsielem ġarrbu ġrieħi ħfief. Ir-raġel ta’ 40 sena ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’ambulanza.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt, li l-argument, deskritt ‘jaħraq’, seħħ bejn żewġ operaturi tal-water taxi. Żiedu jgħidu li din mhix l-ewwel darba li kien hemm argumenti simili bejniethom u li riċentament il-Pulizija ta’ Għawdex issekwestrat l-umbrelel li kienu jaħdmu minn taħthom.

Skont il-Pulizija, l-erba’ rġiel tressqu l-Qorti f’Għawdex illum. Huma ġew akkużati talli nhar l-20 ta’ Mejju 2019, ġewwa Triq ix-Xatt Għawdex ikawżaw ġrieħi ta’ natura gravi u ħafifa, kisru l-paċi pubblika b’għajjat, qalu kliem ta’ theddid, ħassru ħwejjeġ ta’ xulxin u
li huma reċedivi.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront taghhom, u ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.