Argument bejn 3 persuni jħalli lil mara ssofri minn ġrieħi gravi

Read in English.

Argument bejn tliet persuni f’San Pawl il-Baħar billejl ħalla lil mara l-isptar issofri minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija qalet fi stqarrija dalgħodu li dan ġara għall-ħabta tal-12.15am fi Triq il-Majjiera, fejn intalbet l-għajnuna tal-pulizija ġo residenza peress li ġara argument.

Mal-wasla tagħhom, il-pulizija sabu li raġel ta’ 43 sena mis-Slovakkja u mara ta’ 45 sena mill-Ungerija kellhom argument ma’ raġel ta’ 26 sena mill-Maċedonja. Huma kollha joqogħdu f’San Pawl il-Baħar. Ir-raġel ta’ 26 sena tefa’ oġġett iebes lejn iż-żewġ persuni l-oħra u laqat lill-mara.

L-aggressur ittieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ, filwaqt li l-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi.