Argument f’Ta’ Sannat: Liberat bil-patt li ma jwettaqx reat ieħor

Aġġornat 02:45 PM

Ilbieraħ filgħaxija nqala’ argument bejn żewġ irġiel barranin f’Ta’ Sannat. Wieħed minnhom indarab gravi u l-ieħor tressaq il-qorti, fejn ġie liberat bil-patt li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin.

L-argument ġara f’xi s-7.15pm ġo residenza fi Triq Marsilja. Kien bejn raġel ta’ 34 sena u ieħor ta’ 30 sena, it-tnejn mill-Ghana.

Iż-żewġ irġiel ittieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, u r-raġel ta’ 34 sena ġie ċċertifikat li
weġġa’ gravi filwaqt li r-raġel ta’ 30 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.

Dak ta’ 30 sena llum tressaq il-qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Monica Vella. Kien akkużat li hedded u kkaġuna ġrieħi gravi lir-raġel l-ieħor.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi u ġie liberat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.