Arċisqof u Kappillan imutu f’inċident tat-traffiku f’Kalifornja

It-tebut tal-Arċisqof Jala fil-Knisja ta' Oakland jistenna biex ikun trasportat lejn l-Indja għad-difna

L-Arċisqof Dominic Jala ta’ Shillong fl-Indja u Fr. Matthew Vellankal mietu f’inċident tat-traffiku li seħħ fl-10 ta’ dan ix-xahar waqt li kienu qed jagħmlu żjara fid-djoċesi ta’ Oakland.

Il-karrozza Toyota li fiha kienu qed jivjaġġaw l-Arċisqof u żewġ qassisin minn Oakland, intlatet minn trailor ta’ tractor waqt li kienet qed tinstaq fuq il-highway ta’ Wilbur Springs f’California, fis-2.20 p.m., bħal-lum ġimgħa.

Fr. Joseph Parekkatt, qassis fil-parroċċa ta’ Sant Anna spiċċa b’diversi ġrieħi iżda jinsab f’kundizzjoni stabbli F’Santa Rosa Memorial Hospital filwaqt li Fr.Matthew Vellenkal, Kappillan tal-parroċċa ta’ San Bonaventura u l-Arċisqof Jala mietu fil-post tal-inċident.

L-Isqof Michael Barber ta’ Oakland qal f’avviż tal-parroċċa li “se nħossu ħafna t-telfa tal-ispirtu ferrieħi ta’ Fr Vallenkal”.

L-Arċisqof Jala, li kellu 68 sena, serva f’din il-kariġa fid-djoċesi ta’ Shillong, fl-Indja għal dawn l-aħħar 19-il sena u ilu Amministratur Apostoliku ta’ Nongstoin, fl-Indja wkoll sa mill-2016.

Skont l-aġenzija Catholic News Agency, hu kien qed iżur l-Istati Uniti biex jattendi laqgħa tal-Kummissjoni Internazzjonali għal-Liturġija bl-Ingliż u qabel kien żar Ruma bħala parti miż-żjara ‘ad limina’ li l-Isqfijiet Indjani għamlu lill-Papa Franġisku.

Saċerdot Salesjan fl-1977

Huwa twieled fl-Indja fl-1951 u fl-1977 kien ordnat saċerdot mas-Salesjani ta’ Don Bosco. Fl-1987 ippubblika l-ktieb: “Liturgy and Mission” u serva bħala Kap tal-Kummissjoni Liturġika tal-Kunsill Reġjonali tal-Isqfijiet tal-Grigal tal-Indja.

Fr. Vellankal, ta’ 58 sena, twieled f’Kerala, l-Indja. Hu kien patri Salesjan u serva bħala Kappillan fid-djoċesi ta’ Oakland sa mill-2001. Hu awtur tal-ktieb  “From Humor to Insipiration: Jokes, Reflections and Quotes to Enliven your Day”.