Arċisqof jappella lill-qassisin biex minkejja t-theddid jibqgħu xhieda awtentiċi

L-Arċisqof Socrates Villegas jonfoħ fuq iż-Żejt tal-Griżma fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka fil-Katidral ta’ San Ġwann Evanġelista, fil-belt ta’ Dogupan (SCREENSHOT/SABINS STUDIO)

Il-qassisin huma msejħa biex jiffaċċjaw “dawn iż-żminijiet koroh u ta’ dlam” billi jkunu xhieda awtentiċi f’”soċjetà rrabjata li ma temminx” qal l-Arċisqof Socrates Villegas ta’ Lingayen-Dagupan fil-Filippini, waqt l-omelija fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka.

Skont l-aġenzija “Zenit” l-Arċosqof żied jgħid li “s-saċerdot ma għandux jibżà li jinqatel għal Kristu”. “Ħuti saċerdoti, kunu ħbieb mal-mewt. Tħallux il-mewt theddidkom jew tbeżżakom. Is-sejħa għas-saċerdozju hi sejħa għall-mewt. Dan hu ċar. M’hemmx saċerdozju jekk wieħed mhux lest jagħti ħajtu”

Il-martirju hu kuruna tal-glorja

Biex ikompli jenfasizza dan il-kunċett l-Arċisqof qal li mhux ta’ sorpirża li l-qassisin jirċievu theddid li joqtluhom.  Hu qal li l-qassis li jibża’ li jmut jew li jinqatel, messu ma sarx qassis. “Il-mewt mhux thdeddida. Hi d-destin tagħna. Jekk joqtluna ma nkunux fallejna l-missjoni tagħna. Il-Martirju hu l-kuruna tal-glorja tal-missjoni tagħna”, sostna l-Arċisqof Socrates.

Waqt iċ-ċelebrazzjoni tbierku ż-żjut tal-morda, tal-katekumeni u tal-Griżma li matul din is-sena s-saċerdoti jużaw fil-ħidma tagħhom fid-djoċesi kollha.  Il-qassisin ġeddew il-wegħda tagħhom li jkunu fidili għall-Vanġelu u jservu lill-poplu t’Alla.

Hu magħruf li l-Arcisqof Socrates Villegas kien fost l-Isqfijiet u s-saċerdoti fil-Filippini li rċivew theddid li jinqatlu għax jikkritikaw il-gwerra brutali kontra d-droga li qed imexxi l-President tal-pajjiż.

Saċerdot għall-istaġuni kollha

L-Arċisqof appella lil sħabu biex ikunu “saċerdoti għall-istaġuni kollha, għal jiem xemxin u ljieli mdallma. Irridu nikkonfrontaw b’rabja qaddisa l-aktar minn 30,000 qtil bla sens, f’isem il-ġlieda falza biex ikollna soċjetà ħielsa mid-drogi”.

Huwa temm jgħid: “Irridu neżorċizzaw il-kultura tal-vulgarità, l-oxxenità, iċ-ċajt maħmuġ u oxxen u n-nuqqas ta’ arja tajba li deħlin fil-pajjiż, bil-qawwa umli ta’ Ġesù Kurċifiss. Ma nibżgħux mit-tgħajjir, mill-ġideb u l-kalunji, li nkunu ridikolati, imgiddba jew suspettati”.