Arċisqof jappella lill-insara biex ikunu promuturi tal-‘Paċi u t-Tama’

L-Arċisqof Ashad iħabbar li l-2019 se tkun Sena ta' Paċi u Tama f'Islamabad

L-Arċisqof Joseph Arshad tad-djoċesi ta’ Islamabad-Rawalpindi, ħabbar li s-sena d-dieħla -2019 –se tkun Sena ta’ Paċi u Tama għad-djoċesi tiegħu.

“Illum hawn ħtieġa urġenti għall-paċi u t-tama kemm fil-belt tagħna kif ukoll fil-pajjiż. In-nies qed jitilfu t-tama. Bħala nsara fid-djoċesi kattolika ta’ Islamabad-Rawalpindi, irridu nkunu ambaxxaturi tal-paċi u t-tama, mhux biss għall-knisja lokali imma għas-soċjetà kollha kemm hi.”

“Ġesù hu l-paċi u t-tama tagħna. Hu l-prinċep tal-paċi. Il-paċi u t-tama huma żewġ valuri nsara importanti. Nappella lill-qassisin, reliġjużi, lajċi, gruppi fil-knisja u istituti kattoliċi biex jagħmlu pass ‘l quddiem u jaqdu dmirhom billi jimpenjaw ruħhom biex jippromwovu dawn iż-żewġ valuri”, qal l-Arċisqof Pakistani.

L-Aġenzija tal-Aħbarijiet FIDES irrappurtat li f’kull parroċċa tad-djoċesi, is-Sena tal-Paċi u t-Tama se tkun inawgurata fl-1 ta’ Jannar li jaħbat il-Jum Dinji tal-Paċi meta jinqara messaġġ speċjali tal-Papa.

F’Ittra Pastorali għall-okkażżjoni, Mons. Arshad saħaq li l-kliem ta’ Kristu fil-Priedka fuq il-Muntanja “Imberkin dawk li jġibu l-paċi”, jorbtuna mas-Sena tal-Paċi u t-Tama li tfisser li rridu ngħixu żmien ta’ tiġdid u nippromwovu l-paċi li hi valuri spiritwali ewlieni fir-reliġjonijiet u l-kulturi kollha. “Ejja nesploraw flimkien il-possibbiltà li nibdew era ta’ paċi. Ejja nitolbu flimkien ma’ San Franġisk: Mulej, għamilni strument tal-paċi tiegħek. Ejja niftħu toroq ġodda ta’ paċi u nixegħlu l-fjamma tal-paċi u t-tama. Jalla il-paċi u t-tama isaltnu fil-Pakistan u fid-dinja”.

Islamabad hi belt moderna fiż-żona ta’ Rawalpindi li nbniet lejn l-aħħar tas-snin 50, wara li l-Pakistan ha l-indipendenza. L-ewwel missjonijiet kattoliċi infetħu fis-seklu 19 mill-kappillani tal-Armata Ngliża li wasslu għall-formazzjoni tal-ewwel komunitajiet insara f’Eawalpindi u Peshawar. Id-djoċesi attwali inħolqot fl-10 ta’ Lulju 1947, xahar biss qabel l-indipendenza tal-pajjiż.

L-Arċisqof Joseph Arshad hu l-11- il-Isqof fid-djoċesi ta’ Islamabad-Rawalpindi u ħa l-pusses fis-17 ta’ Frar 2017. “Paċi u Tama” hu l-motto li għażel għall-episkopat tiegħu.