Arċisqof iżomm lin-nies aġġornati dwar il-kundizzjoni ta’ saħħtu

L-Arċisqof Kurtz li qed jiġġieled il-marda tal-kanċer

L-Arċisqof Joseph E. Kurtz ta’ Louisville, f’Kentucky, ex President tal-Konferenza Episkopali Amerikana li bħalissa qed jiġġieled il-marda tal-cancer, fuq il-paġna tad-djoċesi tal-Facebook qed iżomm lin-nies infurmati bil-kundizzjoni ta’ saħħtu.

Dan hu l-messaġġ tal-Isqof:

“Il-Mulej iberikkom! Kemm jien grat lejkom, l-insara tal-Arċidjoċesi ta’ Louisville, il-qasisin, id-djakni u r-reliġjużi li jaqdukom. Il-kartolini b’messaġġi li rċivejt minn għandkom kienu sors qawwi ta’ inkoraġġiment għaliha waqt li qed inkompli noqgħod f’North Caroliba biex nieħu l-kura meħtieġa għall-kanċer fid-Duke Centre Institute.

“Din il-ġimgħa kienet waħda speċjali għax ġie jarani Fr. Terry Bradshaw, Kappillan tal-Bażilika tal-Proto-Katidral ta’ San Ġużepp, l-għada taċ-ċelebrazzjoni tal-200 anniversarju tad-dedikazzjoni tal-imsemmi Kattidral.

“Fr Terry infurmani dwar iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika li għamlu. Ġiebli l-akbar kartolina li qatt irċivejt – scroll ta’ 37 pied bil-firma ta’ kważi l-parruċċani kollha tal-parroċċa ta’ San Ġużepp.

“Jiddispjaċini ħafna li ma nistax inkun id-dar u b’mod speċjali jiddispjaċini li ma nistax inkun preżenti għaċ-ċelebrazzjonijiet li jimmarkawna bħala Poplu t’Alla bi storja mhux biss ta’ 200 sena imma li tmur lura għal żmien Kristu li hi l-istess ċelebrazzjoni tal-bieraħ, tal-lum u għal dejjem.

“Ħalli naġġornakom dwar il-kura li qed nieħu. Għadni kif spiċċajt erba’ sessjonijiet ta’ komoterapija li jfisser li ninsab nofs triq.  Se nispiċċa dawn iċ-ċikli sal-bidu ta’ Ottubru.  Fl-istess waqt bdejt nieħu l-immunoterapija li t-tabib tiegħi qalli li hi l-aħjar kura għat-tip ta’ kanċer li għandi jien.

Ħerqan biex jirritorna“

Għad għandi ħafna stamina u enerġija u l-onkoloġista qed jinkoraġġini biex nibqa’ attiv kemm jista’ jkun.  Iżda billi jien suġġett għall-infezzjonijiet, irrid nibqa’ xi ftit iżolat u bogħod mill-folol. Il-pjan hu li f’Ottubru jagħmluli operazzjoni biex ineħħuli l-prostata u mbagħad ikolli ċans nirritorna fostkom. Ma nistax nistenna aktar biex tasal dik il-ġurnata

“Hekk kif l-attivitajiet ta’ dan l-istaġun qed jiżdiedu, se jkun hem aktar drabi li jiddispjaċini li ma nkunx nista’ nkun magħkom. Irrid nassigurakom mit-talb tiegħi. Nirringrazzjakom għat-talb tagħkom”, temm jgħid l-Isqof Kurtz.