
L-Arċisqof Cyprian Kizito Lwanga, ta’ Kampala wissa’ lill-awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President Museveni, biex jittrattaw kif jixraq lill-membri tal-Oppożizzjoni.
Waqt l-Omelija fil-Quddiesa tal-Ħadd li għadda fil-Knisja ta’ San Piju, fil-periferija tal-kapitali Kampala, l-Arċisqof qal li mhux ġust li l-President Museveni u l-Gvern tiegħu jitrattaw b’mod inġust lill-Oppożizzjoni.
Il-Pulizija fl-Uganda arrestaw lil Bobi Wine, ex stilla tal-pop li wara sar Mexxej tal-Oppożizzjoni, fl-aħħar ta’ Jannar wara li użaw il-gass tad-dmugh biex iwaqqfuh milli jagħmel meeting għaso-sostenituri tiegħu.
Arresti
Wine, li ismu proprja hu Robert Kyagulanyi u żewġ membri parlamentari oħra tal-Oppożizzjoni kienu arrestati mill-pulizija wara li ppruvaw jorganizzaw meeting pubbliku fil-belt ta’ Lira. Il-mexxej tal-Oppożizzjoni li għandu 37 sena mistenni jikkonesta lil Museveni fl-elezzjonijiet presidenzjali tas-sena d-dieħla.
Il-Pulzija sparaw ukoll gass tad-dmugħ fl-20 ta’ Jannar biex iferrxu folla li kienet qed tipprotesta flimkien ma’ mexxej ieħor tal-Oppożizzjoni, Kizza Besigye, fil-belt ta’ Jinja.
L-Arċisqof Lwanga qal li dawn l-affarijiet iridu jieqfu. Mhux ġust li l-Gvern jitratta ħażin lill-membri tal-Oppożizzjoni għax dawn għandhom dritt jiltaqgħu.
L-Arċisqof fakkar kif Kizza Beisgye, sas-snin 80 kien it-tabib personali tal-President Museveni u staqsa kif jista’ wieħed jimmaġina li minn tabib personali dan issa spiċċa msawwat mill-pulizija tal-President stess.
L-Arċisqof Lwanga ħeġġeġ lill-Gvern biex iħalli lill-Oppożizzjoni taħdem bil-libertà fil-pajjiż.
“Hu l-Gvern stess li għamel lil Bobi Wine u lil Dr. Kizza Besigye popolari. Kull meta jittortoraw liż-żewġ mexxejja tal-Oppożizzjoni, in-nies iħobbuhom aktar”, sostna l-mexxej reliġjuż.