Arċisqof iwissi: “Gżiritna qed tisparixxi”

Partijiet mill-Gżejjer Fiji li qed jinbelgħu mill-baħar

Skont l-Arċisqof tal-pajjiż, partijiet mill-gżira ewlenija li jiffurmaw Fiji, qed jisparixxu minħabba l-livell tal-baħar dejjem jogħla. Wissa’ li issa hi kwestjoni ta’ għajnuna biex isalvaw in-nies li huma milquta mit-tibdil fil-klima.

L-Arċisqof Peter Loy Chong, ta’ Suva qal li kriżi ekoloġika qed thedded li tibla Viti Levu, l-akbar gżira tal-pajjiż, minħabba distruzzjoni ambjentali kaġun ta’ qtugħ ta’ siġar u xmajjar imniġġsa.

“Dan qed narawh b’għajnejna – kull sena l-livel tal-oċejani qed jogħla u b’hekk Viti Levu qed tisparixxi.” Fuq din il-gżira hemm jgħixu mas-600,000 persuna u hemm bżonn li dawn in-nies ikunu ri-lokati ‘l hinn mill-baħar. “Qed nitkellem fuq id-djar tagħna. Ħafna minnhom, 50 sena oħra jkunu taħt il-baħar.”

Dwar il-mewġ tal-baħar li dejjem qed jogħla, l-Arċisqof qal li “Din mhux ħaġa ta’ darba jew ħaġa rari. Fis-snin li ġejjin in-nies li jgħixu fi 34 villaġġ mal-kosta ta’ Fiji se jiffaċċjaw problemi kbar li jwassluhom jitilqu minn djarhom minħabba l-livelli tal-baħar. In-nies li jgħixu fil-gżejjer tal-Paċifiku qed ibatu mill-impatt tat-tibdil fil-klima. Din hi kestjoni ta’ ħajja jew mewt.”

L-Arċisqof Chong qal “il-gżejjer tagħna qed jitkissru, ix-xmajjar imniġġsa, siġar imqaċċta. B’riżultat ta’ dan il-ħut qed jisparixxi fix-xtut tagħna.”

Quddiem din il-kriżi ekoloġika il-prijoritajiet huma “li wieħed jirrispetta l-ħolqien t’Alla u li titnaqqas it-tbatija ta’ dawk li qed isofru. Kif se ngħid lin-nies tiegħi li jridu jitgħallmu jgħixu ma’ din is-sitwazzjoni? In-nies tiegħi mbikkma. Min se jixxotta d-dmugħ tagħhom?”

Hu speja li l-awtoritajiet għandhom pjan biex popolazzjoni sħaħ ta’ villaġġi jimxu ‘l hinn mill-kosta għal postijiet oħra fosthom għoljiet u muntanji. “Il-Gvern identifika l-villaġġi li se jkunu f’riskju fi żmien ħamsa sa għaxar snin oħra. Villaġġ fil-provinċja ta’ Bua diġa’ kien rilokat għal Yadua u hemm pjan biex il-villaġġ ta’ Tavea, jiċċaqlaq dalwaqt.”

Il-kummenti tal-Arċisqof fit-tielet anniversarju tal-Enċiklika tal-Papa Franġisku “Laudato Si” li titkellem dwar il-bdil fil-klima u titlob għal “konverżjoni ekoloġika”. Hu qal li “konverżjoni ekoloġika” ma ssirx f’iżolament. Trid issir ukoll fil-qalb ta’ kull individwu. Il-ħolqien hu rigal imma hu wkoll responsabbiltà li Alla tana biex nieħdu ħsiebu”.