Arċisqof dwar il-gwerra siekta u minsija tal-Ukrajna

Suldati armati jippatroljaw il-villaġġ ta' Debaltseve, f'Donetsk

Erba’ snin ta’ ġlied fil-Lvant tal-Ukrajna wasslu għall-akbar kriżi umanitarja fl-Ewropa minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Dan iddikjrah l-Arċisqof Sviatoslav Shevruk ta’ Kiev li hu l-Kap tal-Knisja Kattolika Griega tal-Ukrajna.

Hu appella lill-komunità internazzjonali u lill-Knisja Kattolika biex ma jinsewx u ma jabbandunawx din il-kriżi.

Minn meta fl-2014, ir-Russja għaqqdet magħha il-Cimea, il-ġlied fl-Ukrajna sewa’ l-ħajja ta’ aktar minn 10,000 persuna u ħalla 1.6 miljun persuna bla dar, skont ċifri tan-Nazzjonijiet Uniti.

“Barra dawn il-vittmi kollha u t-traġedji umani hemm periklu ieħor tal-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna: dan ir-reġjun għandu l-periklu li jirriżulta f’katastrofi ekoloġika kbira minħabba li hemm ħafna minjieri mgħarrqa u ilma tax-xorb kontaminat. Dan id-diżastru jista’ jkun kbir daqs dak ta’ Chernobyl tal-1986”, wissa’ l-Arċisqof.

Żied jgħid li daqs 4 miljun persuna se jispiċċaw mingħajr ilma tajjeb għax-xorb. U dan kollu qed iseħħ bħalissa fl-akbar pajjiż tal-Ewropa.

Il-ġlied għamel ukoll ħafna ħsara fl-infrastruttura bażika fosthom numru ta’ attakki fuq sptarijiet bejn l-2014 u l-2016.

“Din hi gwerra siekta u minsija. Dan hu kunflitt iffriżat u issa ħadd aktar ma għadu jitkellem b’vuċi għolja dwar il-gwerra fl-Ukrajna”, qal l-Arċisqof.

Għalkemm suppost li hemm “waqfien mill-ġlied” f’ġimgħa waħda f’Lulju li għadda kien miksru 1,200 darba skont l-OSCE. Ħafna llum qed jirreferu għall-gwerra fl-Ukrajna bħala ‘gwerra ta’ tip ġdid’ fejn ma jintużawx biss armamenti tradizzjonali imma kull mezz ta’ distruzzjoni fosthom tifrik ekonomiku u gwerr tal-informazzjoni. “Grazzi għt-teknoloġija tal-informatika il-gwerrer moderni m’humiex limitati għal territorju speċifiku” qal Mons. Chevruk.

“Fil-Punent illum, kulħadd esperjenza l-konsegwenzi ta’ din il-gwerra tal-informazjon li tattakka l-verità billi toħloq l-aħbarijiet foloz u ddawwar l-opinjoni pubblika skont miri diżonesti. Ebda pajjiż ma rnexxielu jevita’ dawn l-attakki.  Ftakru. Din m’hix gwerra tagħna biss – din hi gwerra għall-umanità!’, qal l-Arċisqof.

Hu qal li r-risposta tal-Knisja fl-Ukrajna għall-bżonnijiet ta’ miljuni li qed isofru, hi d-Djakonija – kelma Griega li tfisser karità – u dan billi sservi u tgħin lil dawk milquta mill-gwerra billi tipprovdilhom gwida spiritwali u servizzi soċjali. “Il-karità hi antidotu għall-egoiżmu u l-indifferenza,” qal l-Arċisqof.