Arċisqof Awstraljan jinstab ħati li ħeba abbuż fuq it-tfal

Australian Archbishop

Arċisqof Awstraljan instab ħati li ħeba abbuż sesswali fuq it-tfal minn saċerdot.
L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters irrappurtat li s-sentenza fil-konfront ta’ Philip Wilson, l-Arċisqof ta’ Adelaide, mistennija tingħata f’Ġunju. Hu qed jaffaċċja massimu ta’ sentejn ħabs.
Wilson kien akkużat li ħeba dak li għamel Dun James Fletcher, wara li kien sar jaf bih fl-1976, meta kien viċi kappillan fl-istat ta’ New South Wales.
Mal-midja, Mons. Wilson qal li jinsab diżappuntat u li se jikkonsulta mal-avukati tiegħu, li qed jargumentaw li hu ma kienx jaf li Fletcher abbuża tifel.
Fletcher instab ħati fl-2004 b’disa’ akkużi u miet il-ħabs b’attakk tal-qalb fl-2006.
Il-Maġistrat qal li ma jaċċettax li Wilson ma jiftakarx konverżazzjoni fl-1976, meta vittma ta’ 15-il sena, iddeskrivielu kif ġie abbużat minn Fletcher ftit snin qabel.
F’Diċembru li għadda, kelliem għall-Knisja qal fil-Qorti li Wilson, li għandu 67 sena, beda jbati bl-Alzheimer’s.
Il-Konferenza Episkopali Awstraljana qalet li Wilson għadu jinsisti dwar l-innoċenza tiegħu.