Arċipriet u Kappillan ġodda għall-Ġirbin u l-Luċjani

L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar arċipriet u kappillan ġodda fil-Birgu u Santa Luċija rispettivament.
Il-Kanonku Dun Karm Busuttil mil-lum huwa l-Arċipriet tal-Parroċċa tal-Birgu, u l-Kanonku Dun Joseph Mizzi hu l-Kappillan il-ġdid ta’ Santa Luċija.
Dun Karm twieled fil-15 ta’ Lulju 1959. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja u sekondarja fiż-Żurrieq u fis-Seminarju Minuri, ir-Rabat.
Kompla l-istudji terzjarji fl-Università ta’ Malta fejn matul is-snin iggradwa fil-Filosofija, it-Teoloġija, id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Liġi Internazzjonali u l-Istudji Diplomatiċi.
Ġie ordnat saċerdot fis-27 ta’ Frar 1987 u nħatar bħala Viċi Kappillan ta’ Ħaż-Żabbar.
Fl-1996 beda jservi fit-Taqsima Amministrazzjoni tal-Kurja u jaqdi dmirijiet pastorali fil-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq, fejn għandu jservi sal-lum.
Min-naħa l-oħra, Dun Joseph twieled fil-11 ta’ Ottubru 1970. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ Ħaż-Żebbuġ, l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli tal-Ħandaq, Ħal Qormi, u l-edukazzjoni postsekondarja fil-Kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara. Kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija), fl-Università ta’ Malta.
Dun Joseph ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 1997.
Beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala Assistent Direttur tal-Moviment ta’ Kana u kompla l-istudji tiegħu fit-Teoloġija taż-Żwieġ u l-Familja.
Fl-2006 nħatar direttur tal-Moviment ta’ Kana. Serva wkoll fil-parroċċa tal-Imqabba u dik ta’ Ħaż-Żebbuġ. Fl-2015 inħatar bħala Arċipriet tal-Parroċċa tal-Birgu.