Arċipriet ġdid għan-Naxxar u kappillan ġdid għall-Imqabba

L-Arċisqof Pawlu Cremona ħatar arċipriet ġdid għall-parroċċa Marija Bambina, in-Naxxar kif ukoll kappillan ġdid għall-parroċċa Assunzjoni ta’ Santa Marija, l-Imqabba.
Dun David Gauci li għandu 49 sena se jkun qed iservi bħala arċipriet għall-parroċċa Marija Bambina, in-Naxxar.
Ġie ordnat saċerdot fit-8 ta’ Lulju 1994 u beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala viċi kappillan fil-parroċċa tal-Mosta fejn serva għal erba’ snin, u wara fil-parroċċa ta’ Ħ’Attard għal sentejn.
Fis-sena 2000 ġie maħtur kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Lija. Huwa wkoll kappillan maġistrali tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta.
Il-parroċċa tan-Naxxar tiġbor fiha madwar 15,500 persuna f’4,300 familja.
Dun John Curmi li għandu 58 sena se jkun qed iservi bħala kappillan fl-Imqabba. Huwa ġie ordnat saċerdot fis-7 ta’ Lulju 1985. Il-ħidma pastorali tiegħu kienet tinkludi ħidma fil-parroċċa ta’ Ħal Kirkop, u fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST fejn kien chaplain għal dawn l-aħħar sitt snin.
Il-parroċċa tal-Imqabba tiġbor fiha madwar 3,370 persuna f’1,100 familja.