Arċipriet ġdid għall-Parroċċa ta’ San Pawl fil-Belt

L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Kanonku David Cilia bħala arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta. Il-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu tiġbor fiha madwar 1,800 persuna f’800 familja.

Il-Kan. David Cilia twieled fit-2 ta’ Awwissu 1968. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola ta’ Ħal Qormi San Ġorġ, fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir u fl-iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof. Studja l-Filosofija u t-Teoloġija fil-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta, u d-Dritt Kanoniku fl-Università Gregorjana f’Ruma. Ġie ordnat saċerdot fit-30 ta’ Ġunju 1995. Dun David beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala viċi kapillan fil-Parroċċa ta’ Marija Bambina fil-Mellieħa u fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ Preca fis-Swatar. Kien membru tal-Kapitlu fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat, u kap tal-iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof.

Huwa jservi bħala mħallef fit-Tribunal Ekkleżjastiku Reġjonali tat-Tieni Istanza u huwa wkoll delegat tal-Arċisqof għall-Fergħa Ewkaristika u Ulied Marija Ewkaristika.