Arċipriet attakkat u msawwat fis-sagristija ta’ knisja fil-Polonja

Fr. Aleksander Ziejewski, li safa msawwat fis-sagristija ta' knisja fil-Polonja

Ir-Reverendu Aleksander Ziejewski, arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġwann Battista li tinsab fil-belt ta’ Szczecin fil-Polonja, waqt li kien fis-sagristija tal-Knisja nhar il-Ħadd li għadda safa attakkat u msawwat u sofra xi ġrieħi.

F’ittra ta’ solidarjetà li bagħatlu wara dan l-inċident, l-Arċisqof Stanislaw Gadecki li hu President tal-Konferenza Episkopali Pollakka, qallu li jinsab ferm imħasseb b’dawn l-atti ta’ mibegħda li dejjem qed jiżdiedu, kontra saċerdoti, insara, atti ta’ profanazzjoni ta’ oġġetti sagri li huma tant important għall-Kattoliċi fil-Polonja.

L-Arċisqof Gadecki qal fl-ittra tiegħu lill-Kappillan li:

“Irċivejt b’dieqa kbira informazzjoni dwar l-attakk fiżiku li sar fuqek nhar il-Ħadd li għadda fil-Bażilika ta’ San Ġwann Battista.

Solidarjeta’

“Irrid nuri solidarjetà sħiħa u appoġġ spiritwali miegħek filwaqt li nwiegħdek it-talb kemm għalik personali kif ukoll għall-kollaboraturi tiegħek li wkoll kienu attakkati.

“Jien imnikket meta naraw li dawn l-atti ostili kontra l-insara qed jiżdiedu.  Dawn l-atti jinkludu vjolenza kemm fiżika kif ukoll simbolika.  Għalkemm f’soċjetà pluralistika, hu ovvju li jkun hemm fehmiet differenti, dawn qatt ma jistgħu jiġġustifikaw jew jiskużaw atti ta’ vjolenza inumana.

“Nitlob lil min wettaq dan l-attakk biex jindem u qed nitlob lin-nies kollha ta’ rieda tajba biex jitolbu għall-Knisja u jitolbu wkoll għal min iwettaq dawn l-atti ta’mibegħda.

“Nirringrazzjak ħafna għaż-żelu tiegħek u s-sagrifiċċji li tagħmel fil-qadi tal-ministeru filwaqt li nixtieqlek fejqan ta’ malajr”, ittemm tgħid l-ittra tal-Arċisqof lill-Kappillan midrub.