Arċidjoċesi fl-Indja tagħlaq 100 sena taqdi l-foqra u l-emarġinati

L-Arċidjoċesi ta’ Patna tiċċelebra l-100 anniversarju tagħha (Credit: Courtesy to Crux.)

L-Arċisqof William D’Souza iqis li l-Arċidjoċesi ta’ Patna li qed tfakkar il-100 anniversarju mit-twaqqif tagħha hi eżempju ċar tal-“Knisja tal-Foqra għall-Foqra” li tant iħobb il-Papa Franġisku.

Patna li tinsab fl-istat ta’ Bihar fit-Tramuntana tal-Indja hi waħda mill-eqed bliet fid-dinja u l-insara li jgħoddu għal madwar 70,000 persuna huma biss 0.2% tal-popolazzjoni.

“Buxar u Patna huma knisja tal-foqra li saru nsara u issa kisbu post rispetabbli fis-soċjetà. Permezz tal-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa u għax kienu akkumpanjati, dawn in-nies saru jiddependu fuqhom infushom u jgħixu b’dinjità. Dawn in-nies jistgħu jiftaħru li huma segwaċi ta’ Ġesu Kristu”.  Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Isqof D’Sousa mal-aġenzija tal-aħbarijiet kattoliċi, CRUX.

Dawn in-nies fl-Indja huma magħrufa bħala Dalits, u ġejjin mill-iżgħar livell tas-sistema Hinduista u qabel kienu jirreferu għalihom bħala li ma jista’ jmisshom ħadd (untouchables).

Il-Knisja timxi mal-fqar

“Il-Knisja tagħna timxi mal-ifqar fost il-fqar”, qal l-Isqof D’Souza.

L-ewwel Kattoliċi walu f’Patna fl-1620 meta missjunarji Ġiżwiti mill-Bengal kienu misiedna joqgħodu fil-pajjiż għal ftit xhur. Imbagħad fl-1706, patrijiet Kapuċċini Taljani fetħu dar f’din il-belt. Fl-1845 twaqqaf il-Vikarjat ta’ Panta li ħareġ minn dak ta’ Agra. Id-djoċesi ta’ Panta mbagħad inħolqot fl-1919 u 80 sena wara saret Arċidjoċesi.

“Għal Patna, 100 sena huma ħafna. 100 sena li fiha qdejna l-missjoni li Alla fdalna”, qal l-Arċisqof. “Din hi okkażżjoni ta’ gratitutdni u ferħ għaliba li ż-żerriegħa li nżergħet 100 sena ilu qed tkompli tagħti l-frott”.

 Biex jitfakkar dan iċ-ċentinarju, l-Arċidjoċesi fasslet Pjan Pastorali li fid-29 ta’ Novembru kien approvat mill-Kardinal Oswald Gracias, Arċisqof ta’ Bombay u Presidnet tal-Konferenza Episkopali.

“Se naħdmu fuq dan il-pjan fil-ħames snin li ġejjin” qal l-Arċisqof D’Souza. Hu ta’ ħarsa lejn kif kibret il-Knisja f’dawn il-100 sena li għaddew u qal li jħossu kburi li għenet biex terfa’ ‘l fuq lil dawk li kien fl-aktar klassijiet baxxi tas-soċjetà Indjana.

“Aħna Knisja tal-fqar u l-viżibilità tal-Knisja tidher fil-mod kif kibret il-fidi tan-nies u dan għalina hu ta’ ferħ kbir u nirringrazzjaw lil Alla għall-ħnien u t-tjubija li wera magħna f’dawn il-100 sena”, qal l-Arċisqof.

Iż-żelu tal-missjunarji

“Mix-xejn kbirna f’siġra kbira; minn djoċesi waħda għal sitta, grazzi għaż-żelu eċċezzjonali, il-viżjoni fit-tul, il-paċenzja, il-perseveranza, il-konvinzjoni u l-qawwa tal-fundaturi missjunarji tad-djoċesi ta’ Patna. Dan hu moment tal-għaġeb biex nifirħu mal-Mulej. Kemm huma sbieħ l-opri ta’ Alla”, esklama l-Arċisqof.

 Bħall-Knisja Kattolika fil-bqija tal-Indja, l-Arċidjoċesi ta’ Patna għandha impatt kbir fuq l-istat ta’ Bihar, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, u s-servizzi soċjali u umanitarji.

Il-Knisja Kattolika f’Bihar biss għandha 222 istituzzjoni edukattiva, tmexxi 16-il sptar u 103 ċentri ta’ kura primarja u 55 ċentru ewlieni ta’ servizzi soċjali u mijiet ta’ ċentri sussidjarji oħra.

Barra minn dan il-provinċja ekklesjastika ta’ Patna għandha programme speċjali għal nies bi bżonnijiet speċjali, għax-xjuħ, romol, orfni, nisa abbandunati, morda bil-lebbra u dawk bl-HIV/AIDS, għall-vittmi tat-traffikar uman u għal tfal abbandunati.