“Araw li l-entità hija awtorizzata mill-MFSA qabel ma tagħmlu transazzjonijiet” – MFSA

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) wissiet lill-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji biex ma jidħlu f’ebda transazzjoni ta’ servizzi finanzjarji qabel ma jkunu ċerti li l-entità li magħha qed issir it-transazzjoni hija awtorizzata li tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji ta’ reputazzjoni tajba.

Dan qalitu mill-ġdid wara li ġiet infurmata b’numru ta’ pjattaformi online li qed iwiegħdu investimenti sikuri u bi qligħ ma’ hekk imsejħa ‘partner banks’,  meta wħud minn dawn il-banek lanqas biss huma konxji tal-fatt li dawn il-fornituri ta’ servizzi terzi qed jużaw il-logos tagħhom sabiex jirreklamaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom.

L-Awtorità infurmat lill-pubbliku li pjattaformi online bħal www.sparpiloten.ch, www.onlinegeldanlagen.de u www.zinspilot.de fost oħrajn, mhumiex liċenzjati jew awtorizzati mill-MFSA biex jipprovdu servizzi bankarji jew servizzi finanzjarji oħra li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew awtorizzati bi kwalunkwe mod ieħor taħt il-liġi Maltija.

Talbet sabiex qabel ma wieħed jagħti l-kunsens tiegħu biex jaqsam dettalji personali jew dettalji ta’ kontijiet bankarji ma’ fornituri ta’ servizzi terzi, huwa importanti li dan jivverifika l-identità tagħhom u jkun ċert li dawn huma rregolati minn Awtorità Kompetenti Nazzjonali.

FMG Investment Holdings Ltd qed tqarraq bil-pubbliku – MFSA

L-MFSA qalet ukoll li ġiet infurmata b’entità li qed topera bl-isem ta’ FMG Investment Holdings Ltd li tuża l-isem kummerċjali ClearSpring Capital u li għandha preżenza fuq l-internet fis-sit https://clearspringcapital.com/. Qalet li dan is-sit elettroniku qed juża b’mod frawdolenti d-dettalji ta’ kumpanija liċenzjata mill-MFSA, FMG (Malta) LTD, biex iqarraq bil-pubbliku.

L-Awtorità qalet li FMG Investment Holdings Ltd  li tuża l-isem kummerċjali ClearSpring Capital mhix  kumpanija rreġistrata Malta u lanqas mhi awtorizzata biex tipprovdi servizzi finanzjarji f’Malta jew barra minn Malta. Qalet ukoll li din m’għandha l-ebda rabta ma’ FMG (Malta) LTD. Spejgat li s-sit elettroniku https://clearspringcapital.com/ jidher li hu clone ta’ sit elettroniku ta’ entità leġittima u għalhekk il-pubbliku m’għandhux jidħol f’negozju jew tranżazzjonijiet ma’ din l-entità qarrieqa.

Lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-MFSA hija disponibbli fuq is-sit uffiċjali tal-MFSA. Intant, jekk sfajt vittma ta’ xi qerq (scam) jew taħseb li tista’ tkun qed titratta ma’ entità mhux awtorizzata jew xi tip ieħor ta’ ingann finanzjarju, l-ewwelnett waqqaf it-tranżazzjonijiet kollha ma’ din l-entita’ – u kkuntattja minnufih lill-MFSA.