Arabja Sawdija: Jirċievu SMS mill-Qorti li telaqhom ir-raġel

In-nisa fl-Arabja Sawdija se jibdew jiġu infurmati permezz ta’ SMS meta ż-żwieġ tagħhom jiġi mitmum taħt ir-regoli l-ġodda li daħlu fis-seħħ sabiex iwaqqfu l-prattika l-ġdida ta’ divorzji sigrieti. Jidher li bosta rġiel kienu qed itemmu ż-żwieġ tagħhom mingħajr ma jinfurmaw lil marthom b’dan il-pass.

Il-miżura l-ġdida ġiet approvata mill-Ministeru għall-Ġustizzja fil-pajjiż ilbieraħ skont rapport ta’ Agence France-Presse. Il-Ministeru sostna li n-nisa se jiġu infurmati bl-istatus taż-żwieġ tagħhom permezz ta’ messaġġ fuq il-mowbajl. Dan ixxandar fuq l-istazzjon tat-televiżjoni fil-pajjiż Al-Ekhbariya. Ir-rapport żied jgħid li n-nisa se jkunu jistgħu jaċċessaw id-dokumenti relatati mat-tmiem taż-żwieġ tagħhom minn fuq il-websajt tal-Ministeru stess.

Abbażi ta’ statuti passati, rġiel Sawdi setgħu jiddivorzjaw mingħajr ma javżaw lil marthom, dan minħabba li n-nisa ma hemmx bżonn jidhru quddiem il-Qorti sabiex jinħareġ id-divorzju.