Ara x’regoli jridu jsegwu r-ristoranti minn nhar il-Ġimgħa

REUTERS/Yara Nardi

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħarġet għadd ta’ regolamenti li l-ħaddiema fir-ristoranti jridu jsegwu issa li dawn se jiftħu nhar il-Ġimgħa li ġej, qalb il-pandemija tal-coronavirus.

Ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, ħabbar li minn nhar il-Ġimgħa li ġej se jiftħu mill-ġdid ir-ristoranti, tax-xagħar, tad-dwiefer u l-beauticians, jista’ jsir sport barra u taħriġ sa gruppi ta’ sitt persuni u jistgħu jintwerew films fil-miftuħ, fost l-oħrajn.

L-MTA ħadet ħsieb tippubblika dokument dwar kif iridu jaġixxu n-nies issa fir-ristoranti, kemm il-ħaddiema, kif ukoll in-nies li jmorru jieklu hemmhekk.

Ir-ristoranti issa jridu jsegwu dawn ir-regoli:

  • L-imwejjed ma jkollhomx aktar minn sitt persuni (sakemm ma dawn ma jkunux mill-istess dar)
  • L-imwejjed u s-siġġijiet jiġu diżinfettati kull darba li jintużaw
  • Affarijiet fuq l-imwejjed mill-inqas
  • L-impjegati jridu jilbsu maskri jew visors
  • Affarijiet bħal melħ, bżar, ketchup u żejt jintużaw darba u jintremew
  • Menus u listi tal-inbid iridu jintużaw darba u jintremew
  • Tipjip mhux permess fejn l-imwejjed, imma 10 metri ‘l bogħod
  • Magni bis-sigaretti għall-bejgħ permessi imma jrid ikun hemm sanitiser ħdejhom
  • Buffet ma jistax jiġi offrut
  • Jistgħu jibqgħu miftuħin sal-11pm

Apparti dawn il-linji gwida, min iħaddem irid jara li:

  • Inaddfu sew ta’ sikwit
  • Ibiddlu l-istruttura tal-post biex ikun hemm distanza bejn in-nies
  • Jillimitaw in-numru ta’ persuni ġewwa jekk il-post għandu mwejjed fuq barra
  • Jipprovdu faċilitajiet adekwati għall-ħaddiema, billi jkun hemm ammont xieraq ta’ sapun, ilma u toilet paper disponibbli
  • Hand sanitisers disponibbli fil-post
  • Kmamar tal-impjegati (jekk jeżistu) iridu jitnaddfu regolarment u jkun hemm spazju fejn jitbiegħdu minn xulxin
  • Breaks xierqa għall-impjegati li fihom jistgħu jaħslu jdejhom u jużaw is-sanitiser
  • Jipprovdu informazzjoni, taħriġ, struzzjonijiet u superviżjoni pereżempju dwar kif għandhom jaħslu jdejhom jew jilbsu l-ilbies protettiv jew kif għandhom inaddfu l-imwejjed
  • Struzzjonijiet dwar kif il-ħaddiema għandhom jibqgħu d-dar jekk iħossuhom ma jifilħux

L-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta lmentat li s-sitwazzjoni mhijiex waħda stabbli kif qegħdin jgħidu l-awtoritajiet, iżda minkejja dan, ladarba se jiftħu r-ristoranti, ir-regoli msemmijin m’għandhomx ikunu linji gwida imma għandhom ikunu infurzati b’multi sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-pubbliku mit-tixrid tal-mikrobi u l-mard.