Ara x’qalet il-Kamra tal-Kummerċ dwar il-proposti tal-PN

Read in English.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb qal li s-sitwazzjoni ekonomika preżenti hija bla dubju pożittiva, iżda ma tridx tittieħed for granted. Għalhekk il-Kamra ħarġet b’numru ta’ proposti bil-għan li jkun immaniġjat is-suċċess li nkiseb s’issa u biex Malta tkun ippreparata għall-isfidi li tista’ taffaċċja ‘l quddiem.

Waqt laqgħa bejn il-Kamra tal-Kummerċ u l-Partit Nazzjonalista (PN), Xuereb qal li d-dokument ta’ qabel il-baġit tal-PN fih numru ta’ similaritajiet għad-dokument tal-Kamra tal-Kummerċ. Hu faħħar il-mod ta’ kif l-Oppożizzjoni qed tkun proattiva u tressaq il-proposti tagħha għall-baġit.

Il-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ jagħtu ħarsa lejn is-sistema tat-trasport u l-bżonn li jiddaħħal mod ta’ transport alternattiv u innovattiv. Il-Kamra indirizzat ukoll il-problema tal-Liġi tal-Kiri, l-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni u setturi oħra li qed jitfgħu l-pajjiż lura.

Min-naħa l-oħra l-President tal-Kamra tal-Kummerċ qal li ma jistgħux jaqblu mal-proposti tal-PN dwar l-inċentiva li jridu li tingħata lill-ħaddiema biex jissieħbu ma’ xi union, li min iħaddem għandu jtella’ l-kuntratti kollha tal-impjegati b’mod eletroniku u li l-ġenituri jingħataw is-sick leave li akkumulalhom fl-aħħar sitt snin biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb it-tfal u l-ġenituri tagħhom li jkunu qabżu ċertu età.

Il-mudell ekonomiku tal-Gvern mhux ideali – Adrian Delia

Delia qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan qed iwassal għal bosta diffikultajiet f’bosta setturi f’Malta bħalma huma l-pagi, t-trasport, l-infrastruttura u l-ambjent. Hu qal li l-Oppożizzjoni temmen li dan mhux mudell ekonomiku tajjeb. Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista huwa gvern tan-numri fejn filwaqt li l-ekonomija sejra tajjeb, il-ġid li qed jinħoloq mit-tkabbir ekonomiku mhux jasal għand kulħadd, u qegħdin igawdu biss il-ftit magħżula.

Huwa qal li l-kejl tal-ekonomija m’għandux isir biss bil-GDP imma wkoll mill-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.