Ara x’jixtieq Armani f’għeluq sninu

Ritratt: Facebook/JosephArmani

Id-DJ popolari Joseph Armani llum qed jiċċelebra għeluq l-40 sena tiegħu. Twieled fl-1980. Gaħl għeluq sninu, Armani esprima x-xewqa li jiġbor fondi għall-Australia Zoo Wildlife Warriors. Din l-assoċjazzjoni twaqqfet fl-2002 u l-missjoni tagħha hija li tipproteġi l-annimali selvaġġi u l-postijiet selvaġġi tagħna! Kull donazzjoni tgħin biex isalvaw il-ħajjiet ta’ dawn l-annimali.

Min jixtieq igħin lil Armani jilħaq l-għan tiegħu kulma jrid jagħmel huwa li jidħol fil-paġna tiegħu fuq Facebook u hemmhekk isib kif wieħed irid jagħmel biex jagħti d-donazzjoni tiegħu.

Armani twieled f’Venezja fl-Italja u trabba Malta. Ilu nvolut fix-xena mużikali sa minn mindu kellu 5 snin. Ta’ 14-il sena beda jitħarreġ biex ikun DJ filwaqt li sitt snin wara ppublika l-ewwel single tiegħu Ride Me ma’ Flesh Records ta’ Berlin.

Fl-2005 ltaqa’ ma’ David Guetta li wkoll emmen fil-kapaċitajiet ta’ Armani u għamel sena jdoqq silta minn tiegħu li wasslet biex dan il-DJ ikompli jiskeb għarfien internazzjonali.

Fl-2013 Armani żżewweġ lil Charlene. Huwa wkoll missier ta’ żewġ ulied. 

Filwaqt li llum  is-26 ta’ Jannar jaħbat għeluq l-40 sena tiegħu, Armani se jkun qed ikompli ċ-ċelebrazzjonijiet nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar fis-Suq Malti fil-Belt permezz tal-attività Joseph Armani’s 40th Birthday Bash li se jinkludi s-sehem tat-tribute artist ta’ Adele.

Awguri Joseph!