Ara x’jismu l-film il-ġdid ta’ James Bond

Fl-aħħar sigħat sar magħruf l-isem tal-film il-ġdid ta’ James Bond. Il-25 film ta’ 007 se jkun jismu No Time To Die wara li kien hemm għajdut li l-isem kien se jkun Shatterhand. Iżda dan l-isem ma kienx aċċettat wara li ġie redikolat fuq il-midja soċjali.

No Time to Die hu l-25 film fis-sensiela tal-aġent sigriet Ingliż u mistenni joħroġ fit-3 ta’ April tas-sena d-dieħla. Daniel Craig se jerġa’ jaħdem il-parti prinċipali. Il-viljakk se jinħadem minn Rami Malek li rebaħ Oscar meta deher bħala Freddie Mercury fil-film Bohemian Rhapsody.

Artisti oħra fil-film jinkludu lil Lashana Lynch tal-Captain Marvel u Billy Magnussen minn Game Night waqt li Ralph Fiennes, Ben Whishaw, Rory Kinnear, Naomie Harris u Jeffrey Wright se jkompli fil-partijiet li kellhom qabel fil-films ta’ James Bond.

Il-film se jkun dirett minn Cary Joji Fukunaga wara li d-direttur li kellu jidderiġih, l-Ingliż Danny Boyle, irriżenja mill-kariga wara li ma qabilx dwar kif kellha tiżvolġi l-istorja.

Ta’ min ifakkar li Daniel Craig, wara li kien spiċċa jaħdem Spectre, l-aħħar film ta’ 007, kien qal li jippreferi jaqta’ l-polz milli jerġa’ jaħdem il-parti. Iżda mbagħad ammetta li qal hekk għax kien għajjien mejjet wara li kien spiċċa minn sigħat twal ta’ filming.

L-attur ta’ ġilda sewda Idris Elba kien intqal li seta’ jagħmel il-parti ta’ James Bond wara li Barbara Broccoli, il-producer tal-film, kienet żerżqitha li wasal iż-żmien li attur ta’ ġilda sewda jieħu l-parti. Imma dan ma rriżultax.