Ara x’inhuma l-prekawzjonijiet għat-test tal-karozza

Transport Malta ppubblikat linji gwida għal dawk il-persuni li se jkunu qed jagħmlu t-test kemm dak prattiku kif ukoll tat-teorija sabiex jiksbu l-liċenzja tal-karozza.

Transport Malta spjegat li biex wieħed jagħmel it-test tat-teorija jrid jagħmel appuntament billi jċempel fuq 21227190. In-numru ta’ persuni li se jkunu qed jagħmlu t-test fl-istess sessjoni se jkun limitat. Is-servizz ta’ traduttur u assistenza biex jinqraw il-mistoqsijiet mhux se jkun fis-seħħ għal dan il-perjodu.  Transport Malta qalet li kull persuna se tkun qed tittieħdilha t-temperatura. Jekk it-temperatura tkun aktar minn 37.2゚C l-istudenti mhux se jidħlu. L-istudenti jridu jilbsu visor jew maskra. Wara kull test is-siġġijiet u l-kompjuters se jkunu qed jiġu disinfettati. L-użu tat-toilet mhuwiex rikomandat.

Għat-testijiet tal-prattika, fil-karozza se jitħallew biss l-istudent u l-eżaminatur. L-għalliem irid jiddisinfetta d-dash board, l-isteering wheel, il-gear knob, l-indicators, il-pumi tal-karozza u ċ-ċintorin tas-sigurtà qabel kull test. It-twieqi tal-karozza għandhom ikunu dejjem miftuħa. L-istudent għandu jkun liebes visor jew maskra. L-uffiċjali ta’ Transport Malta se jieħdu t-temperatura tal-istudent. L-istudenti li jkollhom xi sintomi mhux se jitħallew jagħmlu t-test.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit ta’ Transport Malta.