Ara x’inhi l-aħħar pjanta li ġiet identifikata bħala unika għal Malta

Il-ferla hija speċi endemika ġdida mill-Gżejjer Maltin, li hija unika għal Malta u Għawdex. Din l-ispeċi, magħrufa bħala Maltese Ferule bl-Ingliż, ġiet deskritta għall-ewwel darba xjentifikament bħala Ferula melitensis, fil-pubblikazzjoni xjentifika riċenti, Phytotaxa, ippubblikata fl-10 ta’ Diċembru 2018.

Fi stqarrija, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), qalet li din l-ispeċi hi endemika, jiġifieri unika għall-Gżejjer Maltin. B’hekk, tvarja b’mod sinifikanti morfoloġikament u anke ġenetikament mill-ispeċi l-oħra tal-ferli Ewropej u Afrikani, iżda turi rabtiet aktar mill-qrib mal-Ferla Tuneżina (Ferula tunetana), li wkoll ma tinsabx f’Malta.

Ta’ min isemmi li l-Ferla Tuneżina u dik Maltija oriġinarjament kienu maħsuba li huma l-Ferla tal-Ewropa (Ferula communis).

Il-pjanta Maltija hija iktar robusta mill-Ferla Komuni, li ma tikbirx f’Malta, b’differenzi ċari fil-weraq, fjuri, perjodu tal-fjoritura, frott u nebbieta.

Din l-ispeċi hija pjuttost komuni f’Malta, u tikber f’tipi ta’ ħamrija u ambjenti naturali differenti, inklużi f’xagħri, f’għelieqi mhux maħduma jew abbandunati, kif ukoll tul mogħdijiet fil-kampanja.

Tradizzjonalment, din l-ispeċi kienet tintuża fil-kura tad-diżinterija jew infezzjonijiet tal-ġilda. Madanakollu, użi bħal dawn mhumiex rakkomandati, peress li l-pjanta tista’ tkun velenuża f’dożi mhux adekwati. Barra minn hekk, iz-zkuk imnixxfa kienu jintużaw biex isinnu x-xfafar jew bħala sostitut għall-ħatab. Il-qalba taz-zokk mnixxfa kienet xi kultant tintuża wkoll bħala materjal għal nirien u ħġejjeġ li jinħaraq bil-mod.

Il-ferli huma magħrufa wkoll li jipproduċu komposti kimiċi li għandhom bosta effetti farmakoloġiċi, bħal dawk antibijotiċi/antimikrobiċi u komposti kimiċi użati fit-trattament tal-kanċer. Il-potenzjal mediċinali f’dawn il-komposti huwa kkunsidrat għoli, bil-ferulenol ikkunsidrat bħala kompost ewlieni fis-sejbiet riċenti fis-settur tal-mediċina.

Minbarra l-valur intrinsiku ta’ speċi ġdida unika fil-Gżejjer Maltin, din l-ispeċi tipprovdi iktar informazzjoni fuq il-bijoġeografija billi tikkonferma l-affinità mal-Afrika ta’ Fuq ta’ wħud mill-flora unika tagħna. Preżentement huwa mifhum li l-oriġini tal-ferla seħħ minħabba iżolament ġeografiku mill-Afrika ta’ Fuq, riżultat ta’ livelli tal-baħar li alternaw fil-perjodu bejn 5.96 sa 5.33 miljun sena ilu. Din mhijiex l-ewwel speċi ta’ pjanta li tikkonferma din ir-rabta, peress li ħafna speċi Maltin li huma uniċi u endemiċi juru affinitajiet mal-Afrika ta’ Fuq, bħas-siġra tal-irmied (Darniella melitensis, Maltese Salt Tree) u t-tulliera ta’ Malta (Chiliadenus bocconei; Maltese Fleabane).

Is-sejba fl-2018 saret minn tim mill-Universitajiet ta’ Catania, Palermo u Cagliari, taħt it-tmexxija tal-Professur Salvatore Brullo tal-Università ta’ Catania.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-ferla fil-pubblikazzjoni minn Brullo et al (2018). (https://biotaxa.org/Phytotaxa/article/view/phytotaxa.382.1.3)