Ara xi trid tagħmel biex issiefer il-Finlandja mingħajr ma tonfoq ċenteżmu

Is-sit rentafin.com iddeċieda li hekk kif il-Finlandja għat-tieni sena konsekuttiva ġiet iddikjarata bħala l-aktar pajjiż kuntent fid-dinja se tkun qed trebbaħ safra lejn il-Finlandja kompletament b’xejn lil għadd ta’ persuni.

Skont is-sit, jekk wieħed jirnexxielu jintgħażel għal dan il-vjaġġ se jintalab iżur il-Finlandja għal tliet ijiem fis-sajf li ġej. Wieħed jista’ japplika waħdu, ma’ xi ħabib jew ħabiba jew inkella bħala familja. Id-dati jvarjaw skont il-persuna li se tkun qed tilqa’ lir-rebbieħ f’darha.

Min jirbaħ mhu se jkollu għalfejn jonfoq xejn fuq titjiriet u akkomodazzjoni għal dawk it-tliet ijiem.

Is-sit jispjega li qed ifittex persuni li huma moħħhom miftuħ u li huma interessati fin-natura tal-Finalndja. Qed jitolbu wkoll li dak li jkun ma jkunx jibża’ jitkellem bl-Ingliż u lanqas ma jkun jiddejjaq li jiġi ffilmjat u jaqsam l-esperjenza tiegħu mal-oħrajn.

Interessat? Issottometti l-applikazzjoni tiegħek hawn.