Ara xi jridu jagħmlu l-organizzaturi tal-attivitajiet tal-massa

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ħarġet linji gwida li saru bl-għajnuna tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika għall-organizzaturi tal-attivitajiet tal-massa, issa li tqiegħdu ċerti restrizzjonijiet fuq dawn l-attivitajiet biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus.

Dawn l-istandards inħarġu taħt l-Att tas-Saħħa Pubblika Kapitlu 465 tal-Kostituzzjoni, iżda fihom, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tiddikjara li hija mhix favur li jiġu organizzati attivitajiet tal-massa, iżda ladarba dawn xorta jistgħu jsiru, inħarġu standards li għandhom jinżammu biex titħares is-saħħa ta’ dawk preżenti.

L-organizzaturi ta’ kull tip ta’ attività tal-massa, kemm dawk li jkollhom inqas minn 100 persuna u anke dawk li jkollhom aktar, għandhom jimxu ma’ dawn l-istruzzjonijiet:

  • Jikkunsidraw jekk l-attività tistax issir online minflok
  • Jagħmluha fil-beraħ minflok ġewwa jekk jistgħu
  • Jiżguraw li l-post fejn issir l-attività jista’ jakkomoda lin-nies bid-distanza bejniethom
  • Jinfurmaw lil min se jattendi b’miżuri ta’ prekawzjoni dwar is-saħħa
  • Jeżerċitaw id-dritt li jirrifjutaw lin-nies jekk jidhru ma jifilħux
  • Jipprovdu hand sanitisers b’tal-inqas 70% alkoħol fihom fid-daħla tal-attività u f’diversi postijiet oħra; huma u deħlin, in-nies bilfors iridu jużaw is-sanitiser
  • Jaraw li d-daħla u l-ħarġa jkunu separati sabiex jitħalltu inqas nies
  • Jiżguraw li ma jkunx hemm aktar minn persuna f’kull erba’ metri kwadri (ħlief għal żoni mhux aċċessibbli għall-mistednin u għal żoni ta’ parkeġġ)
  • Jieħdu l-informazzjoni ta’ dawk kollha preżenti, isem u numru ta’ kuntatt (tal-anqas ta’ persuna għal kull grupp) – l-informazzjoni trid tinżamm għal 28 ġurnata wara l-attività
  • Inaqqsu kemm jista’ jkun kemm iddum l-attività, speċjalment jekk issir fuq ġewwa
  • Jaraw li ma jkunx hemm grupp ta’ aktar minn 10 persuni (ħlief jekk huma familja jew joqogħdu fl-istess dar)
  • Jaraw li kull grupp iżomm tal-inqas żewġ metri bogħod minn grupp ieħor
  • Iqisu mill-ġdid proċessi li normalment jirrikjedu interazzjoni bejn in-nies u jsibu modi differenti kif isiru dawn il-proċessi
  • Jiżguraw li l-organizzaturi u l-ħaddiema jilbsu maskra jew visor jekk iridu joqogħdu viċin ta’ xulxin għal tul ta’ ħin ġo spazju magħluq (pereżempju ġo kċina)
  • Jaraw li l-post jiġi diżinfettat u jitnaddaf kif meħtieġ
  • Jaraw li l-bar, ristorant jew kafetterija fl-attività jimxu mar-regolamenti
  • Jaraw li jekk ikun hemm xi kantanti jew ħaddiema jimxu mal-istess regolamenti, ħlief li l-kantanti m’hemmx bżonn jilbsu maskra waqt li jkantaw
  • Irid ikollhom l-assigurazzjoni xierqa biex ikopru l-attività, skont il-qies u t-tip t’attività u kemm fiha riskju.

L-organizzaturi ta’ attivitajiet b’aktar minn 100 persuna, imbagħad, iridu jagħmlu wkoll risk assessment u jżommuh aċċessibbli għall-awtoritajiet. Dan ir-risk assessment iridu jippreżentawh mal-applikazzjoni tal-permess biex titħalla ssir attività tal-massa mill-Pulizija u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Dawn iridu wkoll:

  • Jieħdu t-temperatura ta’ kull min jattendi
  • Jagħmlu marki fejn id-daħla biex jindikaw distanza ta’ żewġ metri fil-kju
  • Jagħmlu sinjal fuq barra jindikaw kemm jista’ jkun hemm nies f’daqqa
  • Iżommu kont ta’ kemm ikun hemm nies preżenti
  • Jagħmlu sinjali biex ifakkru lil dawk preżenti jużaw il-hand sanitisers, eċċ.
  • Iqisu li tkun ċara li min għandu s-sintomi m’għandux jattendi
  • Jaraw li jkollhom protokolli biex jiżolaw lil każijiet suspettati, inkluż żona apposta ta’ iżolament; l-organizzaturi jridu jikkordinaw mal-awtoritajiet tas-saħħa x’għandu jsir jekk jinstab xi każ suspettat tal-coronavirus waqt l-attività.

Is-Supretendenza tissuġġerixxi wkoll li attivitajiet tal-massa spontanji jiġu evitati bħalissa billi ma jistax isir l-ippjanar meħtieġ għalihom.

Apparti dan, għandhom jintużaw mezzi online għall-ibbukkjar u l-ħlas tal-biljetti, u idealment, il-ħlas waqt l-attività għandu jsir b’cards contactless.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa tħabbru mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nhar il-Ħamis li għadda wara diversi appelli minn entitajiet, partikolarment mill-unjins tal-ħaddiema tas-saħħa, sabiex jitħassru l-attivitajiet tal-massa kollha. Uħud minn dawn ir-restrizzjonijiet jinkludu l-ikkanċellar tal-marċi tal-festi, u skont ma ħabbret il-Kurja lbieraħ, l-ikkanċellar tal-pellegrinaġġi kollha għall-kumplament tas-sena.

Organizzatur tat-tiġijiet li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal x’tip ta’ miżuri qed jissuġġerixxi lill-klijenti tiegħu li se jiżżewġu fil-ġimgħat li ġejjin.

Aqra l-kumplament tal-linji gwida hawn.