Ara xi ddikjaraw il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari

Read in English.

Illum ġew ppubblikati d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari hekk kif din l-informazzjoni tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra. Mal-ewwel daqqa t’għajn jispikkaw Ministri b’għadd ta’ proprjetajiet u oħrajn bi djun.

Jekk nieħdu d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat, naraw li dan iddikjara li għandu proprjetà waħda, li hi r-residenza tiegħu, m’għandux bonds jew investimenti oħra f’kumpaniji kummerċjali, u għandu €70,000 f’kontijiet depożitati fil-banek. Hu ddikjara dħul fis-sena 2018 ta’ kważi €65,000 li hu s-salarju ta’ Prim Ministru u home loan ta’ €120,000.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne iddikjara depożiti fil-banek ta’  ftit aktar minn €200,000 u ddikjara bonds li jammontaw ‘il fuq minn €300,000.

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, iddikjara żewġ proprjetà fin-Naxxar iżda għandu kont bankarju li jlaħħaq €701,000, 210,000 shares f’żewġ kumpaniji. Fejn jidħol id-dħul għas-sena 2018, jgħid li dan kien jammonta għal €63,000 bħala salarju ta’ Ministru, €4,600 ħlasjiet għal lekċers, u €52,800 minn ‘dividends’ u interessi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, iddikjara li għandu proprjetà waħda li kisibha billi ħa self. F’dawk li huma depożiti fil-banek iddikjara li għandu kont mal-BOV ta’ €9,034, HSBC Savings ta’ €13,329 u kont kurrenti ta’ €1,962. Iddikjara  pensjoni tat-teżor li tleħħaq €33,095.

Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi ddikjara li għandu dar waħda u li għandu ukoll il-qabar tal-familja.

Il-Ministru Helena Dalli ddikjarat li għandha żewġ proprjetajiet, waħda f’Wied il-Għajn u l-oħra f’Ħaż-Żabbar. Iddikjarat li għandha interess f’ħames kumpaniji ‘trading companies’ u f’żewġ kumpaniji ‘non trading’ kif ukoll żewġ kumpaniji għal-likwidazzjoni.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, iddikjara li għandu proprjetà f’Londra u appartament f’Tas-Sliema. Iddikjara li għandu shares tal-MIA, waqt li l-flus depożitati fil-banek ilaħħqu għal €230,572.

Il-Ministru Michael Farrugia ddikjara sehem f’erba’ proprjetajiet u interess f’qabar fl-Addolorata. Iddikjara wkoll diversii investimenti, waqt li d-depożiti huma ta’ €116,000 fil-BOV u €159 fl-HSBC.

Il-Ministru Owen Bonniċi ddikjara interess fi tliet proprjetajiet. B’rabta mal-lekċers fl-Università ta’ Malta, hu kien talab li ma jibqax jitħallas. Iddkjara wkoll li għandu self ta’ €57,000 u €73,685.

Il-Ministru Carmelo Abela ddikjara li s-sena li għaddiet id-dħul tiegħu kien ta’ €62,597 u self ta’ €108,513.

Il-Ministru Michael Falzon iddikjara li għandu residenza fl-Iklin u art ta’ 2,000 metru kwadru fil-Baħrija. Hu ddikjara ishma fil-Middle Sea u fil-BOV.

Il-Ministru Ian Borg iddikjara li għandu appartament f’Ħad-Dingli żewġ uffiċċji f’Ħad-Dingli u r-Rabat, tomna raba’ kif ukoll lr-residenza fir-Rabat.

Il-Ministru Josè Herrera ddikjara interess fi tmien proprjetajiet. Hu ddikjara kont ta’ €110,000 fl-HSBC u €165,000 fil-Banif Bank.

Il-Ministru Juystne Caruana qalet li għandha propjeta’ f’ San Lawrenz, waqt li l-Ministru Chris Cardona stqarr li għandu żewġ propjetajiet waħda f’Birkirkara u l-oħra fil-Madliena, 25% sehem f’kumpanija u dħul tas-salarju ta’ ministru u  €10,000 minn renta.

Id-dokument jinsab hawn.