Ara x’għandek tagħmel biex timporta karozza

Transport Malta għandha tiġi infurmata immedjatament meta l-vettura li tkun importajt tasal Malta. Sid il-karozza jista’ jixtri permess ta’ 30 ġurnata minn mindu tasal biex ikun jista’ juża l-vettura. Dan jiswa €20.

Vetturi li għandhom inqas minn erba’ snin jew li jkun sarilhom it-test tal-VRT f’pajjiż ieħor Ewropew, huma eżentati milli jagħmlu t-test tal-VRT malli tasal il-vettura f’Malta.

Kull vettura li tkun importata mill-Ingilterra jrid ikollha ċertifikat li jivverifika l-kilometraġġ. It-tliet ċertifikati approvati minn Transport Malta huma: it-test tal-aħħar MOT validu li jkun sar l-Ingilterra, ċertifikat tal-Jevic jew ċertifikat maħruġ mill-CAP.

L-individwi għandhom 30 jum ċans biex jirreġistraw il-vettura li jkunu importaw. Jekk dan ma jsirx wara 30 ġurnata, teħel penali ta’ €30 kuljum.

Id-dokumenti meħtieġa huma dawn li ġejjin:

  • Polza ta’ assigurazzjoni Maltija
  • Formoli ta’ Transport Malta – VEH01 u VEH02
  • Spezzjoni u evalwazzjoni tal-vettura mill-uffiċċju tekniku ta’ Transport Malta
  • Iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ barra tal-vettura
  • Il-biljetti tal-vapur fejn jindika d-data ta’ meta waslet il-vettura Malta
  • Il-pjanċi ta’ barra tal-vettura

Dan kien spjegat mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg. Hu spjega dan meta kien mistoqsi mill-membru parlamentari Byron Camilleri dwar x’inhi l-proċedura biex tiġi rreġistrata vettura importata minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.