Ara x’għandek tagħmel biex tiekol ikel tajjeb waqt il-pandemija

L-Assoċjazzjoni tal-Ispetturi tas-Saħħa Ambjentali (MEHOA) saħqet fuq l-importanza li jittiekel ikel tajjeb u b’mod sigur waqt il-pandemija tal-coronavirus.

Din is-sigurtà trid tiġi żgurata f’kull stadju, qalet l-MEHOA fi stqarrija, mill-postijiet tal-produzzjoni, sat-twassil tal-ikel. Qalet li dan hu importanti “għaliex l-inqas ħaġa li rridu bħalissa huwa xi każ ta’ avvenelament mill-ikel, kemm għaliex in-nies jista jkollhom immunità iktar baxxa u kif ukoll għaliex jekk ikun hawn xi każ bħal dan ikun hemm bżonn ta’ assistenza medika urġenti, li diġà hemm domanda kbira għaliha.”

Allura wieħed x’għandu jagħmel biex jaċċerta ruħu li qed jiekol ikel tajjeb? L-MEHOA tissuġġerixxi li jżomm mal-ħames T-jiet:

  • Tagħżel ikel li hu frisk, sigur u ta’ kwalità tajba.
  • Tindif regolari u sew tal-postijiet kollha fejn jiġi preparat, immaniġġjat u merfugħ l-ikel, inkluż it-tagħmir. Il-ħasil regolari tal-idejn huwa bżonn.
  • Tisjir tal-ikel sew, sakemm it-temperatura interna tlaħħaq il-75⁰Ċ.
  • Tkessiħ tal-ikel malajr kemm jista’ jkun u ż-żamma tal-ikel f’temperatura ta’ 5⁰Ċ jew inqas waqt il-ħażna u t-trasport.
  • Tikkontaminax l-ikel billi tkun żgurat li jkun evitat li jkun hemm trasferiment ta’ mikrobi minn oġġett jew ikel għal ieħor, bħal laħam nej f’kuntatt ma’ ikel imsajjar.

L-MEHOA żiedet tgħid li importanti li l-ikel jinżamm barra miż-Żona ta’ Periklu f’kull ħin, anke waqt li jiġi trasportat. Issa li s-sħana diġà qiegħda tinħass, huwa importanti iktar minn qabel biex l-ikel kiesaħ jinżamm f’temperatura taħt il-5⁰Ċ waqt l-immaniġġjar, il-ħażna u t-trasport. Ikel sħun għandu jinżamm f’temperatura ta’ iktar minn 63⁰Ċ.

L-Ispetturi tas-Saħħa Ambjentali huma wħud mill-ħaddiema fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-imxija tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn