Ara x’għandek tagħmel biex ma tgħarraqx l-ikel waqt li ssajjar

Kulħadd jixtieq li meta jsajjar l-ikel jiġi tajjeb u jkun ħaqqu l-prosit. Iżda xi drabi l-ikel ma jirriżultax kif ikun mixtieq minħabba ċerti żbalji żgħar waqt it-tisjir li faċilment setgħu ġew evitati. Hawn taħt qed nagħtukom x’għandkom tagħmlu, jew ma tagħmlux, biex l-ikel ikunilkom imsajjar tajjeb.

Melħ żejjed — Minbarra li jagħti togħma ħażina lill-ikel huwa ħażin ukoll għas-saħħa. Żidu ftit ftit u kull darba tiegħem l-ikel biex tara jekk tfajtx melħ bizzejjed.

Ma tagħrbilx id-dqiq — Jekk ma tagħrbilx id-dqiq meta ssajjar tispiċċa b’ħafna boċċi tad-dqiq, l-aktar meta tkun qed tagħmel iz-zlazi. Jekk tispiċċa b’xi zalza kollha boċċi tista’ tirranġaha billi titfagħha fil-mixer biex tillixxaha.

Għaġin imsajjar iżżejjed — Għaġin imsajjar iżżejjed ma tantx fih gost. Jekk tara li tkun sajjartu kemxejn żejjed itfa’ l-għaġin f’passatur u aħslu mill-ewwel bl-ilma kiesaħ taħt il-vit. B’hekk twaqqaf is-sajran. Meta żżid iz-zalza tista’ terġa’ ssaħħnu fiha.

Iżżid ilma żejjed mar-ross — Jekk ir-ross issajru f’aktar ilma milli suppost dan jiġik tagħsida. Kun attent u sajjar ir-ross eżatt skont ir-riċetta ta’ kemm għandek tagħmel ilma ma’ tant ross.

Tinsiex tħawwad waqt is-sajran — Jekk tkun qed issajjar xi  stew importanti li tħawwad ta’ kultant, speċjalment mill-qiegħ fejn l-ikel ikun aktar sħun. Iżda jekk tinsa tista’ ssalva xi ftit mill-ikel billi tferra dik il-parti li ma tkunx twaħħlet mal-qiegh f’borma oħra u kompli sajjar. Importanti li f’dan il-każ ma tagħmilx xi parti żgħira maħruqa f’din il-borma.

Idlek il-qiegħ ta’ fejn issajjar il-kejk — Jekk ma tagħmilx hekk il-kejk jeħillek meta ssajruu jitfarraklek meta tmur biex taqilgħu. Għalhekk idlek il-qiegħ bil-marġerina jew butir u jekk troxx ftit dqiq fil-qiegħ ikun aħjar.

Uża l-kartastrazza — Jekk meta ssajjar xi gallettini tagħmilhom mill-ewwel fuq id-dixx tal-forn hemm il-possibbiltà li jeħlulek u jitfarrku meta tmur biex tneħħihom. Għalhekk uża kartastrazza. Iżda hemm użu ukoll għal gallettini mfarrkin — fuq il-wiċċ tal-ġelati!

Tiftaħ u tagħlaq il-bieba tal-forn — Jekk tħobb tiftaħ u tagħlaq il-bieba tal-forn biex tara sarlekx l-ikel, speċjalment xi kejk, tkun qed ittellef milli l-affarijiet fih isiru tajjeb. Kull darba li tiftaħ il-bieba tkun qed toħroġ l-arja sħuna mill-forn u ddaħħal arja kiesha u b’hekk tvarja t-temperatura tas-sajran. Ikun aħjar li tara kif sejjer is-sajran tal-ikel fil-forn billi tħares mill-ħġieġ tal-bieba tal-forn.