Ara x’għamlu f’Pembroke biex jgħinu fl-għoti tad-demm

Il-Parroċċa Kristu Rxoxt f’Pembroke flimkien mal-Kummissjoni Familja tal-istess Parroċċa u l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, daħlu fi qbil mas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm. Kull erba’ xhur it-trakk tal-mobile blood donation unit se jkun qed jistazzjona ruħu quddiem il-knisja f’Pembroke.

Dan sar minħabba li diversi drabi s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ikollu jagħmel appell biex in-nies jersqu u jagħtu d-demm. Bħala parroċċa, inħass il-bżonn li tittieħed inizjattiva biex b’hekk jgħinu jtaffu xi ftit jew wisq dan in-nuqqas.

Grazzi għall-inizjattiva tal-Parroċċa ta’ Pembroke kif ukoll tal-Kunsill Lokali, ir-residenti ta’ Pembroke kif ukoll persuni li jgħixu viċin ta’ din il-lokalità se jkunu jistgħu jagħmlu l-parti tagħhom u jagħtu d-demm.

Għada, il-Ħadd 20 ta’ Ottubru, it-trakk tal-mobile donation unit se jkun propju fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja tal-Parroċċa Kristu Rxoxt ta’ Pembroke. It-trakk se jkun hemm għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jixtiequ jagħtu d-demm bejn it-8:30am u s-13:00am.

Xerred kemm jista’ jkun il-kelma għall-benefiċċju ta’ dawk il-pazjenti b’mard kroniku, inkluż tal-kanċer, dawk li se jiġu operati, kif ukoll dawk korruti.

Il-karta tal-identità hi meħtieġa!

Iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb minn www.blood.gov.mt

Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq 79307307 jew Freephone 80074313