Ara tagħrafx lil dan l-attur

Dan it-tifel fir-ritratt liebes kostum tal-karnival mhu ħadd ħlief l-attur Joe Borg li t-Tnejn filgħaxija tistgħu ssegwu fis-sensiela Iż-Żagħka li tixxandar fuq l-istazzjon Net. Dan huwa ritratt ttieħed fl-1951 meta Joe kellu biss tlett snin.

Joe twieled f’Tas-Sliema nhar il-5 ta’ Diċembru 1948. Huwa wkoll awtur, direttur u producer ta’ bosta pageants bibliċi.

Huwa miżżewweġ lil Mary née Attard u għandhom żewġt ulied.

Il-karriera artistika tiegħu bdiet aktar minn 55 sena ilu b’xogħol fit-teatru u t-televiżjoni. Tista’ tgħid li tul is-snin ħadem ma’ għadd ta’ gruppi teatrali u ħadem ma’ wħud mill-aqwa kumpaniji ta’ produzzjoni.

Huwa wkoll wiċċ familjari fuq it-televiżjoni u ħa sehem f’għadd ta’ sensiliet li kisbu success fosthom F’Baħar Wieħed, Ingroppi, Pupi, Is-Siġill tal-Qrar, Qegħdin Sew, Nies Bħalna, Riħ Isfel, Villa Sunset u Deja Vù.

Ritratt: FotoClassic

Ħa sehem ukoll f’films Maltin bħal Qerq (2007), Xrar (2010) u Il-Bniedem ta’ Kulħadd (2010).

Ir-ritratt li Joe qasam mas-segwaċi tiegħu hu memorja ħelwa ta’ tfulitu u xhieda ta’ kemm żmien il-karnival dejjem kien popolari mal-Maltin.