Ara t-tibdil fir-reġistrazzjoni tad-dħul għall-kindergarten

Se jiġi ffaċilitat il-proċess għar-reġistrazzjoni tad-dħul fil-kindergarten, hekk kif fil-jiem li ġejjin il-ġenituri se jkunu jistgħu jirreġistraw lit-tfal online.

Fi żjara li għamlet fl-Iskola Primarja Laura Vicuna fl-Għasri, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fakkret li t-tfal li jagħlqu 3 snin sa April 2021 għandhom jiġu rreġistrati biex jibdew il-kindergarten fi Frar li ġej. Ir-reġistrazzjoni tagħlaq it-Tnejn 4 ta’ Jannar 2021.

 Il-Ministru Caruana saħqet li l-Ministeru dejjem ifittex li jgħin u jagħmel il-ħajja tal-ġenituri tal-istudenti aktar faċli.

Fissret li l-Ministeru għamel minn kollox biex f’Ottubru li għadda, is-sena skolastikabdiet u kompliet b’suċċess.

Dan minkejja li ġew irrappurtati numru ta’ każijiet ta’ Covid-19 fl-iskejjel.

L-Iskola Primarja Laura Vicuna hija mmexxija mis-sorijiet Salesjani u ilha miftuħa mill-1970. Iddakkar fl-istudenti tagħha t-tagħlim nisrani filwaqt li trawwem l-iżvilupp olistiku tal-istudenti tagħha.

Il-Ministru Justyne Caruana żaret ukoll l-Iskola Primarja ta’ San Lawrenz, skola li tilqa’ studenti minn madwar l-Ewropa u minn pajjiżi oħra.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Ministru Caruana żaret l-iskejjel ta’ Għajnsielem, ir-Rabat u Ta’ Sannat.