Ara r-rotta l-ġdida mill-Baċir Numru 7

Minn għada, skont il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, ir-rotta li tgħaddi mill-Baċir Numru 7 u tasal il-Marsa, fid-direzzjoni lejn il-Belt, se tinfetaħ ukoll tard waranofsinhar fid-direzzjoni opposta.
Dan qed isir sabiex isservi bħala rotta alternattiva għal dawk kollha li wara nofsinhar jivjaġġaw lura lejn id-djar tagħhom fin-naħa t’isfel tal-pajjiż, sakemm jitlesta l-proġett tal-Marsa Junction.
Ir-rotta li ġeneralment tintuża biss, bejn is-6am u d-9am, se tkun qed tiffunzjona wkoll bejn it-3pm u 7pm.
Jinfetħu erba’ korsiji ġodda
Bejn Triq il-Labour u Triq Aldo Moro, din il-ġimgħa nfetħu erba’ korsiji ġodda.
Dan intqal fi stqarrija mibgħutha mill-Ministeru, fejn intqal li dawn il-korsiji se jeliminaw id-diffikultà fid-disinn tat-triq eżistenti, għal dawk li jkunu ġejjin minn Vjal Santa Luċija u Triq Giuseppe Garibaldi, biex jaslu fi Triq Aldo Moro, lejn il-Belt u Ħal Qormi, b’inqas diffikultà.
Matul it-tielet fażi tal-proġett, il-Ministeru spjega li l-korsiji se jkunu qed jintużaw bħala parti minn għadd ta’ rotot ġodda, li se jinfetħu minflok korsiji eżistenti, waqt li fihom ikunu qed jinbnew l-istrutturi tal-flyovers u toroq ġodda oħra ppjanati f’dan l-investiment.
X’korsiji tista’ tuża?

  • Il-korsiji ddedikati għall-karozzi tal-linja nfetħu għall-vetturi kollha.
  • Dawk li jkunu għaddejja minn Triq Giuseppe Garibaldi għal Triq Aldo Moro, fid-direzzjoni tal-Marsa, Ħal Qormi, il-Belt jew lokalitajiet oħra fl-istess direzzjoni, issa għandhom żewġ rotot alternattivi ġodda.
  • Minn Triq Giuseppe Garibaldi wieħed jista’ jagħżel bejn korsija ġdida li twasslek mill-ewwel fi Triq Aldo Moro, jew jaqbad rotta alternattiva mill-Marsa Industrial Estate.

Il-Ministru Borg issuġġerixxa wkoll li miżura oħra li tista’ tgħin waqt dan il-proġett hija li fejn huwa possibli jiġu utilizzati s-sigħat ta’ bil-lejl, minħabba li l-inħawi tal-junction mhumiex residenzjali.
Ritratt: DOI – Kevin Abela