Ara r-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma Kostituzzjonali

Read in English.

L-Uffiċċju tal-President ippubblika dak li ħareġ mill-konsultazzjoni pubblika li saret dwar ir-riforma Kostituzzjonali. Fi stqarrija ġie spjegat li s-sottomissjonijiet li daħlu u l-analiżi li saret fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika ġew konklużi fi Frar tal-2020 u issa nġabru f’pubblikazzjoni diġitali.

Il-ktejjeb elettroniku jinkludi kemm proposti li waslu matul il-perjodu tal-proċess taa’ konsultazzjoni nniffsu, li sar bejn Awwissu tal-2019 u Frar tal-2020 u anke r-rapport imfassal fuq il-bażi tagħhom. Hekk ukoll il-lista’ ta’ sottomissjonijiet li waslu qabel il-perjodu ta’ konsultazzjoni uffiċjali, kif ukoll rapport dwar x’tixtieq tara s-soċjetà ċivili f’Kostituzzjoni ġdida.

Fid-daħla tar-rapport, il-President George Vella qal li hu ried iwessa’ l-konsultazzjoni pubblika u wiegħed li jekk wieħed jasal biex tissejjaħħ Konvenzjoni Kostituzzjonali, is-soċjet ċivili, l-għaqdiet mhux governattivi u l-poplu inġenerali għandu jkollhom irwol importanti. Qal li ried iserraħ l-imħuħ li l-proċess ma kienx se jiġi ddominat mill-influwenza tal-partiti politiċi.

“Mill-bidu nett varajt sit elettroniku li fuqu kulħadd seta’ jagħmel il-proposti tiegħu. Dan dam kważi sitt xhur miftuħ, u daħlu mijiet ta’ kontribuzzjonijiet. L-iskop kien li l-materjal miġbur jiġi analizzat u mgħarbel mill-Konvenzjoni Kostituzzjonali meta din isseħħ,” qal il-President.

Sostna li l-iżviluppi politiċi fil-pajjiż wasslu biex il-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa tinvolvi ruħha u tagħmel pressjoni biex ċertu tibdil Kostituzzjonali, li kien urġenti, jingħata prijorità.

Qal li dan seħħ, iżda tefa’ ftit lura mhux ħażin id-diskors dwar x’tibdil Kostituzzjonali ieħor wieħed seta’ jikkunsidra. Spejga li f’din il-pubblikazzjoni qed jagħtu aċċess lill-pubbliku għal dokumenti minn esperti legali u kostituzzjonali li kienu ġew mgħoddija lill-Kumitat għar-Riforma Kostituzzjonali kif ukoll analiżi oġġettiva tas-suġġerimenti li ġew mibgħuta mill-pubbliku fuq is-sit elettroniku maħluq apposta.

Il-President ta’ Malta rringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem u taw kontribut fil-konsultazzjoni pubblika. Filwaqt li rrimarka li l-Konvenzjoni Kostituzzjonali eventwalment se teżamina dawn il-proposti u tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Parlament, esprima l-fiduċja tiegħu li kull deċiżjoni li se tittieħed se tkun fl-aħjar interess ta’ pajjiżna u tkompli ssaħħaħ is-saltna tad-Dritt, id-demokrazija, u l-ġustizzja.